Il-proposti ta’ Simon Busuttil relatati mal-housing huma irresponsabbli, mhux maħsuba sew u mhux costed.
Qalu dan il-Ministru Michael Farrugia u s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri.
Il-Ministru Farrugia qal li l-proposti ta’ Busuttil huma antikwati, għax diġà qed jiġu jew ġew implimentati. Huma nieqas minn viżjoni għall-poplu Malti u kopja ta’ affarijiet li diġà qed isiru. Per eżempju xhur ilu, dan il-Gvern diġà tkellem fuq proġett ta’ bini soċjali, li se jara l-bini ta’ madwar 600 appartament. Aktar tard dan ix-xahar se jiġi skavat it-tielet sit tal-housing, li se jitlesta f’inqas minn tliet snin oħra. Banek soċjali barranin se jipprovdu l-fondi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li se jkun qed jissussidja l-kirjiet. Li ma ndunax hu li din is-sena s-sussidju fuqhom irdoppja u daħlet skema ġdida għal dan is-settur. Barra minn hekk daħal proġett pilota li min jikri lil persuni vulnerabbli għal seba’ snin u jżommilhom kera affordabbli, titnaqqansilhom it-taxxa fuq il-kirja.
Ftit ġimgħat ilu, fakkar il-Ministru Farrugia, sar ftehim ma wieħed mill-banek ewlenin biex il-bank jagħti self sħiħ fuq id-depositu ta’ għaxra fil-mija biex jixtru d-dar tagħhom. Dan għal min jiflah iħallas loan imma m’ghandux il-flus għal depożitu. Kien l-lewwel ifirmar tat-tip tiegħu ma bank ewlieni. Dawk intitolati qed jirċievu ittra tinformahom.
Ftit jiem ilu l-Partit Laburista ħabbar proposti dwar għajnuniet lis-second time buyers. Kuntrarju għal dak li qed jgħid Busuttil, li qed jagħmel distinzjoni abbażi tal-istatus ta’ dak li jkun, din tista’ teħodha kemm jekk int separat, divorzjat, jew tgħix fil-familja li tkun irnexxilek tgħaqqad.
Inbidel ukoll il-mod kif il-Gvern ingħaqad mal-NGOs, ħaġa li Busuttil donnu mhux jirrealizza. Il-Gvern qed ikoprilhom spejjeż rikorrenti, filwaqt li nfetħu tliet ċentri ta’ servizz ta’ emerġenza.
Il-Ministru nnota kliem Simon Busuttil, li jekk ikun fil-Gvern, jagħti lura żidiet għal kirjiet li saru minn naħa tal-housing soċjali. Dan meta kien taħt Gvern preċedenti fl-2010 li l-Housing Authority għolliet il-kirjiet b’qabżiet kbar ħafna. “Din ma kinitx miżura anti soċjali u taxxa fuq il-faqar?” staqsa Farrugia.
Fakkar li Busuttil se jimplementa xi haga li diġà ġiet implimentata, għax in-nies qed jingħataw rifużjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri tkellmet b’mod partikolari fuq il-proposta ta’ kumpens lil dawk li ttihditilhom l-art. Qalet li dan huwa mod totalment irresponsabbli ta’ kif tmexxi l-finanzi tal-Awtorità tal-Artijiet. Dawn kieku jittieħdu mill fond konsolidat, allura din il-proposta tpoġġi l-finanzi tal-pajjiż fi problema kbira. Id-dħul bħalissa huwa mdwar €40 miljun lil fond konsolidat. “Minn fejn se jigu l-flus għall-pensjonijiet, li jammontaw għal €30 miljun?” stqasiet Schembri. Kieku l-flus kollha jmorru ghall espropji, min se jħallas il-pensjonijiet?
Qalet ukoll li kif kienet il-liġi qabel ir-riforma tal-lands, ma kienx possibbli li tatwa l-proposta ta’ Simon Busuttil. Busuttil stess ivvota kontra li tidħol il-liġi tal-Awtorita tal-Artijiet. Kieku għaddiet tiegħu, ma kienx ikun jista jatwa l-proposti tiegħu stess.
https://www.facebook.com/ONENEWSMALTA/videos/1473940592657692/