Bħalissa għaddej proċess għal tibdil fil-liġi b’rabta mad-drittijiet tal-annimali f’pajjiżna.
Dan l-istazzjon iltaqa’ mal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina, fejn saħqet li hija għamlet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha biex il-liġi ta’ pajjiżna tkun aġġornata sabiex jiġi assigurat li dawn il-ħlejqiet ikunu wkoll protetti b’mod sħiħ bil-liġi.
Fost il-proposti hemm kif ċertu liġijiet jipproteġu klieb biss u mhux annimali oħra, filwaqt li wħud mil-liġijiet jorbtu idejn il-Maġistrati milli jagħtu l-verdett li jkunu jixtiequ lill-akkużat li jkun tressaq il-Qorti fuq moħqrija tal-annimali fost oħrajn.
Is-Sinjura Bezzina spjegat: “Kien hemm kawża l-Qorti fejn il-Maġistrat ma setgħetx, xtaqet illi tipprojbixxi lill-akkużat illi kellha quddiemha milli jkollu iżjed annimali f’ħajtu minħabba li din sabitu ħati ta’ krudiltà gravi fuq l-annimali, però minħabba li ma kienx tressaq fuq dik il-parti tal-liġi fejn hija miktuba, fuq il-microchipping, kellha idha marbutin u ma setgħetx tapplikaha din il-parti tal-liġi.”
Intant, rakkomadazzjoni oħra hija li jsir reġistru, li jkun pubbliku, bl-ismijiet tan-nies misjuba ħatja mill-Qorti għall-moħqrija tal-annimali.
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali sostniet: “Ir-rakkomandazzjoni l-oħra tiegħi hi illi mhux il-persuna li tinstab ħatja biss ma tkunx tista’ żżomm annimali, imma kull min jgħix taħt l-istess saqaf. Jiġifieri jekk inti tgħix taħt l-istess saqaf ma’ persuna li nstabet ħatja u li l-Qorti pprojbixxietha milli jkollha iżjed annimali allura lanqas inti ma jista’ jkollok annimal fuq ismek, sakemm inti qiegħed f’dik id-dar.”