Il-Gvern qed jipproponi emendi fil-liġi bil-għan li studenti mill-MCAST, bl-istess kwalifika u livell f’Baċċellerat f’Social Work, bħal tal-Università, jingħataw il-warrant biex jaħdmu f’dan il-qasam ukoll.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, fejn intqal li dawn l-emendi issa jinsabu fi stadju ta’ kumitat Parlamentari, wara li l-Erbgħa tlesta t-Tieni Qari fil-Parlament.
“Dan hu xogħol importanti, xogħol bżonnjuż, xogħol li hu ta’ ċertu piż ukoll għal min jagħmlu. Hawnhekk x’qed nagħmlu? L-emenda effettivament tfisser li ħa nibdew nirrikonoxxu wkoll fil-liġi, BA Honours fis-Social Work anke li toħroġ mill-MCAST, flimkien ma’ dik li ħa nibqgħu nirrikonoxxu. Ovvjament, fil-konfront tal-Università ta’ Malta mhu se jinbidel assolutament xejn.”
Hawnhekk intqal ukoll kif din l-emenda se twessa’ t-toroq biex wieħed isir ħaddiem fil-qasam soċjali. Ġie spjegat kif l-isfida tan-nuqqas ta’ ħaddiema soċjali mhix biss f’pajjiżna, iżda anke madwar l-Ewropa.
“Fl-opinjoni tiegħi, l-emenda fil-liġi ħa tiftaħ aktar bibien biex ikun hemm aktar studenti li jiġu attirati għas-social work u hekk naħseb li l-attrazzjoni ta’ dawn l-istudenti li jagħmel tajjeb għan-nuqqas li hawn fil-pajjiż.”