Il-Gvern se jipproponi emendi biex tissaħħaħ il-liġi dwar l-affermazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, u l-espressjoni tal-ġeneru.
L-għan ewlieni ta’ din l-emenda hu li tara li l-liġi li daħlet fl-2016 tissaħħaħ biex, bħala pajjiż, inkomplu naffermaw li li tkun differenti mhix xi marda.
Għaldaqstant, l-emenda tinkludi d-definizzjoni ta’ reklamar u tagħmilha illegali li jsir reklamar biex tħajjar persuni jirċievu servizzi qarrieqa bl-iskop li jippruvaw ibiddlu l-orjentazzjoni sesswali tal-individwu.
Il-Kap tat-Taqsima tal-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru, u Karatteristiċi tas-Sess fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, Gabriella Calleja qalet li l-liġi li daħlet fl-2016 għenet biex tistabbilixxi kemm fil-politika tal-gvern kif ukoll f’kull sfera tal-ħajja li kull orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru, u espressjoni tal-ġeneru għandhom jingħataw l-istess valur u l-ebda waħda minn dawn il-karatteristiċi ma tikkostitwixxi diżordni, marda, defiċjenza, diżabilità, jew nuqqas ieħor.
Hija kkonkludiet li l-emenda li qed iħabbru llum qed tkompli ssaħħaħ l-effettività ta’ din il-liġi.
Calleja spjegat li “Qed niċċaraw x’nifmu b’riklamar ta’ prattiċi ta’ konverżjoni u b’hekk qed noffru iktar protezzjoni lill-komunita LGBTIQ+ , partikolarment dawk l-iktar vulnerabbli , jiġifieri t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu esposti għal dawn il-messaġġi u jkunu vittmi ta’ pressjoni biex jaċċessaw dawn il-forom u prattiċi.”
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-Gvern, permezz ta’ din l-emenda, qed jibgħat messaġġ ċar u b’saħħtu li qatt mhu se tkun aċċettata attitudni li ġġiegħel lil persuni LGBTIQ+ iħossu li għandhom xi ħaġa inqas minn ħaddieħor.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li “Qed nkomplu nsaħħu din il-liġi billi nipprovdu emenda li tagħti definizzjoni ta’ reklamar biex nassiguraw illi l-forzi tal-ordni jkollhom l-għodda kollha possibbli biex iressqu ’l quddiem dawk il-persuni illi qed jgħaddu dan il-messaġġ ta’ mibegħda u jpoġġu persuni fil-periklu.”