Il-Partit Nazzjonalista jrid il-liberalizzazzjoni tas-suq fid-distribuzzjoni tal-elettriku.
Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali.
Qal, “Immorru għal-liberalizzazzjoni tas-suq tad-distribuzzjoni tal-enerġija.”
L-istess ħaġa rrepetiha d-Deputat Mark Anthony Sammut li kien maġenb il-Kap.
Qal, “It-tielet prinċipju li wkoll nemmnu fih u naħsbu li jista’ jgħin u jtejjeb is-servizz tal-enerġija li jasal għand in-nies huwa l-liberalizzazzjoni tas-suq tad-distribuzzjoni tal-enerġija.”
Ir-reazzjonijiet għal dan kienu bosta, hekk kif issemmew argumenti li b’dak li jrid il-Partit Nazzjonalista mhux biss jipperikola x-xogħol tal-ħaddiema tal-Enemalta iżda anki l-familji jispiċċaw iħallsu kontijiet tad-dawl ogħla.
Fi stqarrija Żminijietna Leħen ix-Xellug innota li f’Malta, it-tariffi tal-enerġija huma ferm baxxi meta mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħra.
Anqas min-nofs il-medja Ewropea u erba’ darbiet orħos minn pajjiżi bħall-Irlanda u l-Ġermanja, spjega Żminijietna Leħen ix-Xellug.
Intqal li l-proposta ta’ Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista se toħloq problemi għall-affordabbiltà u s-sigurtà tal-enerġija.
Il-Partit Laburista mbagħad spjega kif ħaġa hi ċara mal-Partit Nazzjonalista, kontijiet tad-dawl ogħla, kif fil-fatt kien qal Bernard Grech, li jekk jogħlew it-tarriffi barra, jogħlew f’Malta wkoll.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-istess jum li l-Gvern wera l-pjanijiet tiegħu li qed iwettaq u se jagħmel iżjed malajr f’investiment fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, b’irduppjar tal-investiment, jiġifieri s-sena dieħla minn €15-il miljun għal €30 miljun, Bernard Grech mhux biss fisser kif b’dak li jrid hu se jgħolli l-kontijiet imma wieġeb hekk meta mistoqsi għall-costings.
Grech qal, “Grazzi ħafna. Propju din id-domanda, kont qed nistenniha għax issoltu l-ONE m’għandhomx aktar domandi xi jsaqsu. Ħa nispjegalkom jien xi tfisser li jkollok pjan serju bħalma aħna għandna hawnhekk.”
Wara li evidentament ma kellux ċifri x’jagħti, Grech stqarr li l-pjan se jispjegah meta jkun fil-Gvern.
Qal, “Bla dubju meta l-elezzjoni, erba’ snin oħra jew ftit inqas, se nkunu qegħdin nieħdu stocktake ta’ x’għamel, jekk għamel u ta’ dak li m’għamilx, jekk m’għamilx. Dakinhar, iva, se nkunu qegħdin invaraw pjan li aħna nemmnu fih.”
Aġir sintomatiku ta’ Bernard Grech bħal ma kien jagħmel biss sa sena ilu.
Qal, “Il-ħin kollu sejjrin għidulna hekk, u għadulna l-cosings, u spjegawlna dik u spjegawlna din. Il-costings ġejjin, għamilnihom serħu raskom, u se nkunu qed nippubblikawhom qabel l-elezzjoni. Ħudu paċenzja issa stennewhom u nagħtuhomlkom. Għaliex il-Partit Nazzjonalista,mhux inthom tmexxuh, aħna nmexxuh, għad għandna l-viżjoni għal pajjiżna.”