Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, ipproponiet lill-Gvern biex jiġu impjegati bird-ringers barranin man-nassaba mifruxin madwar il-pajjiż, biex bl-effiċjenza pprovata u ttestjata tal-metodu użat s’issa minn dawn id-dilettanti Maltin u Għawdxin fir-riċerka dwar is-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana, tiġi pprovduta dejta xjentifika usa’ meħtieġa.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-FKNK stess wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fid-19 ta’ Settembru li għadda kontra Malta fejn intqal li l-iskop ta’ riċerka ma kienx raġuni valida biex tiġi adottata d-deroga mid-Direttiva tal-Għasafar.
Iżda l-FKNK tenniet li s-sentenza mkien ma kkritikat l-importanza u l-effiċjenza tal-programm ta’ riċerka lokali, imsejjaħ ‘Citizen Science’, adottat mill-Gvern Malti bejn l-2020 u l-2022.
Indikat wkoll li kontra d-dejta miġbura mill-Birdlife fil-monopolju li għandha tar-ringing f’44 sena lanqas biss jitqabbel ma’ dik miġbura min-nassaba tradizzjonali f’sentejn biss.
L-FKNK ikkwotat id-dejta miżmuma mill-EURING, l-entità Ewropea għar-ringing tal-għasafar, u qalet li l-Birdlife irnexxielha tiġbor l-informazzjoni biss minn fuq madwar elfejn u seba’ mitt għasfur tal-għana f’pajjiżna bejn l-1965 u l-2020, bl-esklużjoni tas-snin bejn l-1984 u l-1995.
Anke jekk qatt ma kellha restrizzjonijiet fuq il-ħin jew il-post u fil-maġġoranza sar fis-santwarji tal-għasafar li topera, l-FKNK qalet li l-Birdlife rnexxielha ġġib informazzjoni biss minn 61 għasfur tal-għana fis-sena fuq 44 sena.
Minbarra hekk, qalet li d-dejta tal-EURING tixhed ukoll li, fl-irkupri taċ-ċrieket permezz ta’ qbid mill-ġdid, bejn l-1940 u l-2020 il-BirdLife kellha biss tmint iċrieket irkuprati.
Bil-maqlub, tenniet li, skont ir-rapporti u l-istatistika tal-Wild Birds Regulation Unit għall-2016 u l-2017, l-uniċi snin li b’din id-dejta uffiċjali dwar is-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana, in-nassaba Maltin irnexxielhom jaqbdu total ta’ ftit inqas minn sittax-il elf għasfur tal-għana jew medja ta’ aktar minn elf għasfur f’kull speċi tal-għana kull sena fil-perjodu msemmi.
L-FKNK qalet li l-effiċjenza sfaċċata tal-metodu tan-nassab tal-qbid tal-għasafar tal-għana meta mqabbla mal-metodu tal-bird-ringers ma tistax tkun aktar ovvja.
Qalet li din ir-realtà hi aktar ta’ stagħġib meta wieħed iqis li d-dilettanti bl-imnasab tradizzjonali huma ristretti għal siti rreġistrati minn qabel u fi staġun miftuħ għal tliet xhur biss u anke ħin ristrett.
L-għaqda tal-kaċċaturi u n-nassaba rreferiet ukoll għall-kawża li kienet ingħatat fl-2018 mill-istess Qorti tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu li ddeċidiet kontra Malta talli ppermettiet l-insib għall-għasafar tal-għana fl-2014 u fl-2015.
L-argument ewlieni dakinhar kien li Malta ma kellhiex biżżejjed evidenza xjentifika tal-popolazzjonijiet ta’ għasafar tal-għana li jpassu fuq il-gżejjer Maltin, u għalhekk kien iddaħħal il-programm ta’ riċerka ‘Citizen Science’ fil-ħarifa tal-2020, li inkluda sistema ta’ qbid u rilaxx fejn in-nassaba ta’ esperjenza u liċenzjati qabdu l-għasafar tal-għana bl-użu tal-metodi tradizzjonali tal-insib tagħhom.
Kull għasfur maqbud jiġi ċċekkjat għall-preżenza ta’ ċurkett xjentifiku u, f’dak il-każ, id-dettalji jiġu rreġistrati u l-għasfur tal-għana jiġi rilaxxat lura fis-selvaġġ. Għasafar mingħajr ċrieket xjentifiċi wkoll jinħelsu minnufih.
Għaldaqstant l-FKNK ipproponiet lill-Gvern biex joħroġ sejħa għal bird-ringers kwalifikati internazzjonali mħallsin biex jakkumpanjaw lin-nassaba u jlibbsu ċrieket tal-EURING, ipprovduti mill-Birdlife, qabel il-ħelsien.
Dan anke minħabba l-fatt li n-netwerk tal-imnasab hu iżjed mifrux mal-gżejjer Maltin, tkun tista’ tinkiseb aktar dejta dwar il-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-għana.