L-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproponi li testendi l-validità ta’ ċerti permessi għall-iżvilupp wara diskussjonijiet mal-Kamra tal-Periti peress li, sentejn ilu, xi permessi ma setgħux igawdu minn skema simili.
Skont il-proposta, permessi, li skadew bejn l-1 ta’ Jannar li għadda u d-data meta jidħol fis-seħħ l-Avviż Legali se jibqgħu validi sal-31 ta’ Diċembru 2028. Minbarra hekk, il-permessi, li skadew bejn l-1 ta’ Jannar u d-9 ta’ Novembru tal-2023, se jibqgħu validi sal-31 ta’ Diċembru 2026.
Stqarrija mill-Awtorità tal-Ippjanar qalet li, madankollu, permessi li ġew revokati mill-Qorti tal-Appell mhux se jkunu inklużi.
Jingħad li din il-miżura se tgħin lill-awtorità timmaniġġja aħjar ir-riżorsi tagħha u tnaqqas ix-xogħol amministrattiv. B’hekk tkun tista’ tiffoka fuq affarijiet aktar importanti fl-ippjanar.
Il-pubbliku jista’ jara d-dettalji sħaħ tal-proposta fuq il-websajt tal-awtorità www.pa.org.mt/consultation. Kull min irid jagħmel kummenti fuq dawn il-bidliet jista’ jibgħathom fuq dpf.consultation@pa.org.mt sas-27 ta’ Frar li ġej.