Proġett biex il-flotta ta’ bastimenti, li topera bejn Malta u Għawdex, tkun trasformata u taħdem bl-idroġenu ntagħżel nħala l-aħjar minn disa’ proposti mressqin mill-istudenti li ħadu sehem fl-EXCEL Winter School 2024.
L-iskola, li għaliha attendew aktar minn 40 student minn ħames pajjiżi madwar l-Ewropa, kellha l-iskop speċifiku li ssib soluzzjonijiet għall-isfidi tal-mobilità urbana identifikati mill-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex.
Organizzata mill-EIT Urban Mobility, inizjattiva tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), b’kollaborazzjoni mal-MCAST, Cleantech Bulgaria u Project Aegle Foundation, il-finali tal-kompetizzjoni ġiet iġġudikata minn ġurija, li kienet tinkludi rappreżentanti mill-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, Transport Malta, Bajada Lyons Group, SuperCharger Ventures u l-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu t’Għawdex.
Fis-serata finali tal-kompetizzjoni attenda wkoll il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri.
Proposti oħrajn, li rċevew rikonoxximent, iffokaw ukoll fuq kif li l-vjaġġ bejn Malta u Għawdex jista’ jsir aktar sostenibbli. Dawn kienu jinkludu bastimenti elettriċi u modi kif tiġi introdotta aktar enerġija rinnovabbli fil-flotta.
L-istudenti ffokaw ukoll fuq kif il-mobilità f’Għawdex issir aktar faċli u sostenibbli permezz ta’ rotot ġodda u taħlita aħjar ta’ trasport, li jinkorpora karozzi tal-linja iżgħar, roti u l-introduzzjoni ta’ servizz ta’ waterbus bejn Marsalforn, ix-Xlendi u l-Port tal-Imġarr.
L-Excel Winter School f’Għawdex kienet parti mis-serje organizzata mil-EIT Urban Mobility għal studenti minn pajjiżi RIS (Regional Innovation Scheme).
Żewġ Winter Schools oħrajn kienu Innov4Mobility Winter School, f’Aveiro, il-Portugall, u l-WINSCOOL Winter School, li saret f’Tartu, l-Estonja. Il-Winter Schools kollha għandhom missjoni komuni: li jagħtu s-setgħa lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mexxejja fil-mobilità urbana bl-għarfien, il-ħiliet u l-mentalità biex imexxu bidla pożittiva.