L-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret fi stqarrija li qed tipproponi li temenda l-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (DNO) tal-2016 sabiex ikun possibbli li applikazzjonijiet minn entitajiet governattivi bħal kunsill lokali, jew kwalunkwe entità pubblika oħra, għal awtorizzazzjoni għall-użu temporanju ta’ art għal karavans u kampijiet tkun tista’ tiġi pproċessata f’inqas żmien.
Barra minn hekk, l-Awtorità qed tipproponi wkoll emenda għall-istess fini li tkun tinvolvi l-inklużjoni ta’ installazzjonijiet ta’ tojlits mobbli fil-bajjiet minn entità tal-Gvern, kunsill lokali, kwalunkwe entità pubblika oħra maħtura minnhom, jew istituzzjoni reġistrata fl-ambitu fil-protezzjoni ċivili.
Kelliema għall-awtorità qalet li dan it-tibdil propost ifisser ukoll li permess li joġroġ skont it-tibdil propost ikun validu għal sena, u mbagħad tkun trid issir applikazzjoni mill-ġdid.
L-avviż legali propost li se jippermetti dawn il-bidliet, jinsab fuq il-website tal-Awtorità tal-Ippjanar (www.pa.org.mt/consultation). Individwi u organizzazzjonijiet huma mistiedna jibagħtu bil-miktub ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom, relatati mat-tibdiliet proposti, permezz tal-indirizz elettroniku: dno.amendments@pa.org.mt sa mhux aktar tard mit-Tlieta 20 ta’ Ġunju 2023.