Il-Gvern qed iħares li jemenda l-liġi sabiex il-principju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur jkun imħares bil-liġi.
Saħaq dan il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mal-amministrazzjoni tal-General Workers Union, li matulha saħaq li għandha tiġi indirizzata anomalija li ħaddiema li jaħdmu l-istess xogħol ma jitħallsux indaqs għax ikunu jaħdmu mal-kuntrattur flok impjegati direttament.
Irrimarka li l-prassi preżenti ta’ ħlas differenti għall-istess xogħol mhix kontra l-liġi, iżda kunċett imnebbaħ mill-ġustizzja soċjali li ħaddiem jieħu l-istess ħlas għal xogħol identiku li jagħmel ħaddieħor.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Kif inhi l-liġi llum tippermittih dan il-prinċipju li tidderoga li l-ħaddiem ma jkollux l-istess ħlas għax ikun impjegat ma’ persuna differenti. Tista’ tkun impjegat ma’ employer A, impjegat ma’ employer B u jkollok ħlas differenti minkejja li tkun qed tagħmel l-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol. Bilfors biex tindirizzaha dik is-sitwazzjoni eventwalment trid twassal għal bidla fil-liġi.”
Dr Abela fakkar li ilu jitkellem dwar dan il-kunċett mindu sar deputat parlamentari fl-2017. Saħaq li kien hemm titjib b’saħħtu fl-entitajiet tal-Gvern u issa l-pajjiż irid jimxi wkoll lejn dan il-kunċett fis-settur privat.
Prinċipju ieħor diskuss mal-GWU kienet is-sħubija mandatorja f’unjin. Il-Prim Ministru esprima qbil ma’ din il-pożizzjoni li fi kliemu twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet u fl-interessi tal-ħaddiema.
Fakkar li l-Gvern diġà ddiskuta dan il-prinċipju wkoll mal-kamra tan-negozji żgħar u medji biex ikun hemm ukoll sħubija mandatorja tal-entitajiet li jirrapreżentaw.
Il-Prim Minisru temm jgħid li biex il-pajjiż ikompli jimxi ’l quddiem, hemm bżonn li tissokta l-paċi industrijali li ddominat fl-aħħar snin.
Qal li kulħadd jemmen fil-ħaddiema, u li dawn jistħoqqilhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Intant meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-qtil ta’ Chantelle Chetcuti, Dr Abela ħabbar li l-Gvern se jaħtar Kummissarju ġdid għall-vjolenza domestika. Qal li huwa kruċjali li l-Kummissjoni tibqa’ b’saħħitha u relevanti u saħaq li l-vjolenza domestika mhix aċċettabbli u tbaxxi l-valur tal-bniedem.
Ritratti: Gareth Degiorgio