Il-Parlament Ewropew approva riżoluzzjoni għal baġit anwali tal-2019 li tinkludi proposti tal-MEP Alfred Sant li jinvokaw attenzjoni speċjali għall-gżejjer tal-Unjoni Ewropea. Dawn l-emendi huma kruċjali għal Malta u l-Mediterran u jżidu l-fondi immirati għal kontroll tal-immigrazzjoni.
Sant kien talab lil Kummissjoni Ewropea biex tagħti attenzjoni speċjali lil gżejjer fi ħdan l-UE kif miktub f’Artiklu 174 tat-Trattat ta’ Lisbona dwar it-tħaddim tal-UE. Artiklu 174 jgħid li l-Unjoni timmira biex tnaqqas id-differenzi fil-livell ta’ żvilupp ta’ reġjuni differenti u ma tħallix reġjuni b’kundizzjonijiet inqas favorevoli jaqgħu lura.
Dr Sant qal li l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tinkludi fondi allokati biex jikkumbattu l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE, u żieda fl-allokazzjonijiet għal Programm Erasmus+.
L-MEP Malti ivvota favur ir-riżoluzzjoni tal-baġit 2019 li għaddiet bi 389 voti favur, 158 voti kontra u 123 astensjoni.
Minkejja dan, Sant ivvota kontra votazzjonijiet separati li talbu għal tnaqqis ta’ fondi ddedikati għat-Turkija.
“Filwaqt li naqbel mal-ħtieġa ta’ titjib fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, nemmen li d-deċiżjoni tal-PE li tnaqqas il-fondi li jappoġġjaw lit-Turkija hija ħażina. Kif deher ċar f’dawn l-aħħar snin, it-Turkija qed taġixxi bħal għassies li jżomm l-influss tal-immigranti mil-Lvant Nofsani.”
Dr Sant qal li l-UE għandha tibqa’ tassisti u tikkoopera mat-Turkija. Tnaqqis fil-fondi mwiegħda jaf jipperikola proġetti li huma importanti kemm għat-Turkija u kemm għall-UE. Huwa ċar li dan jagħti daqqa ta’ ħarta lil motivazzjoni tal-awtoritajiet Torok li jikkooperaw mal-UE, u potenzjalment iservi ta’ ħsara għar-riformi fiż-żoni affettwati.