Project Green se jkun l-isem tal-aġenzija l-ġdida li se tfassal u twettaq il-proġetti ta’ spazji miftuħa għall-familji Maltin u Għawdxin.
Din l-aġenzija se titwaqqaf bħala parti mit-twettiq tal-wegħda elettorali tal-Partit Laburista li jsiru dawn il-proġetti ta’ spazji miftuħa f’seba’ snin, b’investiment ta’ €700 miljun.
Ħabbret dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriżi, Miriam Dalli, waqt id-diskussoni fil-Parlament dwar l-estimi finanzjarji tal-Ministeru.
“Illum nista’ nħabbar li l-aġenzija Project Green se tkun responsabbli mit-tfassil, mill-ippjanar, u d-delivery ta’ urban greening projects, hekk kif huwa mwiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Din l-entità se tkun qed tikkollabora ma’ entitajiet oħra tal-Gvern biex tassigura l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ dawn l-inizjattivi.”
Il-Ministru Dalli qalet li din l-entità se tkun qed tiffoka l-ħidma ta’ entitajiet, kunsilli lokali, u għaqdiet, li bħalissa diġà qed jagħmlu xogħol siewi fil-ġonna, fir-riservi naturali, u fi spazji oħra miftuħa għall-pubbliku.
Il-Ministru rrimarkat li , fi żmien sena, ix-xiri tal-enerġija permezz tal-interconnector żdied b’400 fil-mija. Dr Dalli spjegat li din is-sena, il-Gvern investa €400 miljun permezz tas-sussidju sabiex il-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli. Saħqet li s-sena d-dieħla s-sussidju għal dan il-għan se jkun ta’ €600 miljun. Osservat li l-familji kien ikollhom iġorru piż kbir kieku l-Gvern ma adottax il-politika ta’ stabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija.
“Kieku ħallejna d-dawl, l-ilma, il-fjuwil, u l-gass jogħlew skont is-suq internazzjonali, kieku l-inflazzjoni f’pajjiżna kienet tkun aktar mid-doppju ta li hi llum. Kieku familja ta’ erbgħa kienet se tispiċċa b’minn tal-anqas €2,000 anqas fil-but kull sena.”
Il-Ministru Dalli qalet li dan is-sussidju ġie nnutat fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea l-ġimgħa li għaddiet, li bassar li pajjiżna se jkollu fost l-akbar tkabbir ekonomiku fis-sentejn li ġejjin.
Il-Ministru Miriam Dalli ħabbret li din is-sena ġew approvati 26 proġett ta’ investiment dirett barrani, b’investiment ta’ €104 miljun. Ġew approvati wkoll 72 proġett ta’ investiment kapitali Malti, b’investiment ta’ €53 miljun.
Dwar is-settur tal-enerġija, il-Ministru Dalli qalet li pajjiżna qed jinvesti fir-rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, u li se jitkompla x-xogħol ta’ titjib fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni biex tissaħħaħ il-provvista.
“U rajna l-ewwel riżultati dan is-sajf, fejn minkejja li kellna domanda rekord tal-elettriku, il-qtugħ tad-dawl naqas bi 33 fil-mija grazzi għall-ħidma tat-tim kollu tal-Enemalta. Konvinta li se nkomplu naraw aktar riżultati fix-xhur u s-snin li ġejjin.”
Dwar l-immaniġġjar tal-iskart, il-Ministru Dalli qalet li s-separazzjoni tal-iskart se ssir obbligatorja għal kulħadd.