Fil-business breakfast organizzat mill-Partit Laburista f’lukanda ewlenija f’Għawdex, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, saħaq fuq kif quddiemnett tal-aġenda tal-Gvern hemm dik li l-gżira Għawdxija tibqa’ tagħmel progress, permezz ta’ bidliet neċessarji favur il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħha.
Hawnhekk, fost l-oħrajn, hu semma l-investimenti massiċċi li wettaq jew qed iwettaq bħalissa Gvern Laburista f’Għawdex stess, filwaqt li nnota t-tisħiħ li kien hemm fis-setturi tax-xogħol u l-ekonomija.
Il-Ministru ħabbar kif, ftit tal-ġimgħat oħra, mistenni jiġi approvat l-ewwel mitjar f’Għawdex, li se joffri aktar aċċessibilità u konnettività u anke se ssir l-inawgurazzjoni tal-Pjazza f’Ta’ Sannat.
B’rabta mal-qasam turistiku f’Għawdex il-Ministru Camilleri kellu aħbarijiet pożittivi.
Waqt diskussjoni ma’ numru ta’ imsieħba soċjali Għawdxin, tkellem id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Daniel Micallef, li sostna kif il-manifest ippreżentat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew jibni fuq dak tal-elezzjoni ġenerali, ‘Malta Flimkien’, u anke fuq il-ħidma li diġà saret fl-aħħar ħames snin mill-Ewroparlamentari Maltin u Għawdxin.
Huwa nnota wkoll l-andandament pożittiv f’Għawdex fil-qasam tax-xogħol.
Stqarr, “Kważi tista’ tgħid kull workshop u kull fabbrika żgħira li dħalt fiha, issaqsihom kif inhu x-xogħol, xogħol orrajt, sabulek il-problema, sa llum stess iltqajt magħha li isma l-problema hi biex insibu biżżejjed nies biex jaħdmu. Jgħidulek għandi xogħol b’sentejn bil-quddiem u mbagħad tilħaq pereżempju mastrudaxxa, jgħidulek isma jien qabel kont nieħdu xogħol Malta, dan iż-żmien sirt nevitah.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, Daniel Borg, innota b’sodisfazzjon l-impenn tal-Gvern fejn jidħol l-ippjanar.
Qal, “L-istrateġija qed tħares lejh b’mod sħiħ u b’mod ħolistiku u rajna li diġà ttieħdu ċertu deċiżjonijiet kuraġġużi. Huwa importanti li jkomplu jsiru aktar deċiżjonijiet f’din id-direzzjonijiet .”
Daniel Borg semma wkoll is-suċċess enormi li ħalliet l-Iskola Medika ta’ Barts f’Għawdex u saħaq kif issa rridu nħarsu lejn id-dekarbonizzazzjoni bħala niċċa importanti għal din il-gżira.
Ingħaqdu wkoll f’din id-diskussjoni s-Soċjologa Mariella Debono u anke l-President tal-Konfiderazzjoni Agrikoltura u Sajd, Għawdex, Dr Joseph Grech.
Waqt din l-attività fi sfond anke ta’ kampanja elettorali, bl-għajta tal-Partit Laburista tkun ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, għamlu l-intervent tagħhom id-disa’ kandidati Laburisti għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.