Transport Malta illum, illiċenzjat lil Freebird Airlines Europe bħala Approved Training Organisation (ATO), l-ewwel kumpanija internazzjonali f’Malta liċenzjata esklussivament għat-taħriġ fl-avjazzjoni. L-għażla ta’ Freebird li topera minn Malta tikkonferma u tikkonsolida l-isforzi ta’ pajjiżna biex iżżomm u tespandi Cluster tal-Avjazzjoni fuq il-gżira.
Freebird se tipprovdi Type Rating Training approvat mill-EASA f’ Malta. Għall-ewwel darba, dawk il-Maltin li jixtiequ jsiru bdoti kummerċjali jistgħu jieħdu l-biċċa l-kbira tat-taħriġ tagħhom hawn Malta. Freebird ukoll għandha l-għan li toffri s-servizzi tagħha fir-reġjun biex twieġeb għad-domanda li qed tiżdied għat-taħriġ ta’ bdoti u ekwipaġġ. L-organizzazjoni f’sinerġija m’oħrajn li jipprovdu s-servizz lokalment, se tiffoka fuq rating training għall-Airbus A320, il-Boeing 737, simulator flight instructor training u Type Rating Instructor training.
Il-kaptan Cengiz Arbac mill-organizzazjoni, saħaq li, “bil-koperazzjoni professjonali u kostruttiva ta’ Transport Malta, nixtiequ nġeddu l-kontribuzzjoni tagħna lill-industrija tal-avjazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa u reġjuni oħra. Nixtiequ nieħdu din l-opportunita biex nirringrazjaw lid-direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili u nħarsu ‘l quddiem biex nespandu s-servizzi ta’ taħriġ tagħna.”
Freebird Airlines Europe tifforma parti mill-grupp ta’ kumpaniji Gözen Holding, li huma attivi ħafna fl-industrija tal-Avjazzjoni, b’linji tal-ajru u fergħat li joffru rappreżentenza, sorveljanza, fjuwil, kontrolli, senserija, sigurtá u taħriġ. Il-grupp ilu stabilit għal dawn l-aħħar 38 sena u s-sitt kumpaniji fi ħdanu jħaddmu iktar minn elfejn ħaddiem.
Freebird Airlines hija linja tal-ajru internazzjonali charter li ġiet imqaqqfa fis-sena 2000 u taqdi l-Ewropa u reġjuni viċin bi flotta t’ajruplani Airbus A320. Fl-2006, saret l-ewwel kumpanija tal-ajru charter Torka li ħadet l-approvazzjoni IOSA (IATA Operational Safety Audit).
L-International Flight Training Centre Istanbul (IFTC) ukoll jifforma parti minn dan il-grupp, b’ħames simulaturi għall-ajruplani A320 u l-B737-NG u faċilitajiet għat-taħriġ ta’ kwalitá u servizzi kemm f’Istanbul u kif ukoll f’Antalya it-Turkija.