Miexi b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol fil-villaġġ tas-snajja’ f’Ta Qali fejn sa issa sar aktar minn 70% tax-xogħol fl-ewwel fażi ta’ dan il-proġett. Bix-xogħol ta’ infrastruttura u bini tat-toroq mistenni jitlesta f’Jannar tas-sena d-dieħla.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha elenka l-mizuri u l-proġetti mħabbra fil-budget 2019.
Il-Ministru Cardona żied li matul l-ewwel nofs tas-sena dieħla mistennija jitlestew żewġ proġetti fil-Gżira Għawdxija li se jkunu ta’ ġid għall-ekonomija.
L-Enterprise Hub se jipprovdi 3,000 metru kwadru ta’ spazju ġdid għal intrapriżi, fejn se jinħolqu diversi faċilitajiet għall-impjegati.
Fil-post magħruf bħala il-Ħofra, qed jinbena kumpless ta’ 15-il workshop industrijali ġodda fuq medda ta’ 3,500 metru kwadru.
Il-Ministru Chris Cardona qal li s-sena li ġejja se tibda l-ħidma fuq l-liġi ġdida dwar iż-żoni għal kummerċ ħieles, magħrufa bħala l-Freezones.
L-Att mistenni jiffaċilita u jattira investiment ġdid fis-servizzi tal-loġistika internazzjonali. Filwaqt li se jinħolqu numru ta’ impjiegi ġodda u se jattira aktar investiment lejn pajjiżna.
Kif imħabbar fil-baġit, se titwaqqaf fondazzjoni ġdida bl-isem ta’ Start-Up Foundation, li se taħdem fuq kampanja promozzjonali bil-għan li nwasslu l-opportunitajiet li joffri pajjiżna lejn aktar persuni.
Il-Ministru Cardona tenna l-impenn tal-gvern li ngħinu aktar start ups, negozji u negozji tal-familji.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal lis-sena 2019 se tkun kruċjali, hekk kif il-Gvern Malti se jkompli bin-negozjati biex pajjizna jaċċerta ftehim ġust fil-fondi strutturali u ta’ koeżjoni li se nirċievu bejn l-2021 u l-2027. Dr Farruiga qal li għax dan il-gvern huwa favur in-negozju, 1,313-il intrapriza gawdew minn għadd ta’ skemi ffinanzjati minn fondi ewropej.