Mis-sena akkademika li jmiss il-Junior College ser jintroduċi tliet programmi ġodda għall-istudenti li se jagħżlu li jistudjaw fil-Junior College bħala l-istituzzjoni post sekondarja. Studenti li spiċċaw l-istudji obbligatorji man-National Sports School (NSS) ser ikunu jistgħu jingħaqdu ma’ studenti atleti oħra tal-Kulleġġ biex ikomplu jittrenjaw kif ukoll jistudjaw fl-istess ħin, dan hekk kif permezz ta’ dan il-programm, anke huma ser ikollhom skeda ta’ lezzjonijiet speċjalizzata għalihom. L-għan ta’ dan il-kors hu li studenti atleti jkunu jistgħu jiksbu ċ-ċertifikat tal-Matrikola, filwaqt li jkomplu bil-programm ta’ taħriġ man-National Sports Federation/Association, li hija assoċjazzjoni rrikonoxxuta mill-Malta Olympic Committee, u/jew l-NSS. Il-programm idum sentejn fuq bażi full-time.
It-tieni programm ġdid għal din is-sena se jkun offrut lil studenti prospettivi li fi żmien l-applikazzjoni jkollhom mill-inqas 18-il sena u jkunu fil-pussess taċ-ċertifikat f’livell ordinarju (ĊES) tal-Malti, tal-Ingliż u l-Matematika ekwivalenti għal grad 5 jew aħjar. L-għan ta’ dan il-programm hu biex studenti prospettivi minn tmintax-il sena ‘l fuq ikollhom il-possibilità li jistudjaw suġġett wieħed jew iktar f’livell Avvanzat u/jew livell Intermedju, skont il-ħtiġijiet tagħhom. Dan il-programm idum sentejn fuq bażi full-time.
It-tielet programm li se jiġi introdott din is-sena hu offrut lil studenti prospettivi li jixtiequ jkomplu jistudjaw barra minn Malta wara l-Matrikola. Il-kors iwassal lill-istudenti għaċ-ċertifikat tal-Matrikola, maħruġ mill-MATSEC. Il-kors idum sentejn fuq bażi full-time.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq li huwa importanti li nkomplu nsaħħu l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna għaliex il-futur ta’ pajjiżna jiddependi mhux biss fuq l-edukazzjoni li nieħdu fl-ewwel fażi ta’ ħajjitna meta nkunu għadna żgħażagħ, iżda tul il-ħajja kollha.
“Dan ikompli jikkonferma kemm aħna nqisu li l-edukazzjoni hija pilastru ewlieni għall-isport ġewwa f’pajjiżna. Żgħażagħ studenti li se jkollhom din l-opportunità ħa tkun ta’ benefiċċju kbir għax ħa jkollhom is-sapport neċessarju tal-MATSEC u assoċjazzjonijiet tal-edukazzjoni biex japprezzaw ix-xogħol u dedikazzjoni li għandhom l-istudenti għall-isport.” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima.
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ, Paul Xuereb, qal, “Għall-Junior College, l-istudent jiġi l-ewwel. Kull student huwa meqjus individwalment u mhux bħala numru. Għalhekk fassalna numru ta’ programmi ta’ studju biex nindirizzaw il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet varji tal-istudent.” Huwa żied jgħid li permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Kulleġġ ser jilħaq aktar żgħażagħ fejn ser ikollhom iċ-ċans li jagħżlu kull tip ta’ suġġett aċċettat mill-MATSEC.