Il-festa ta’ San Girgor, li tmur lura sekli sħaħ u li tibqa’ tattira eluf ta’ Maltin, li ta’ kull sena jistennew l-Erbgħa ta’ wara l-Għid biex jerħulha lejn iż-Żejtun jew Marsaxlokk, iż-żewġ lokalitajiet li flimkien jgħaqqdu l-aspett reliġjuż ma’ dak festiv ta’ din il-festa.
Għal din is-sena ġie mniedi programm b’saħħtu fejn fiċ-ċentru tiegħu jżomm ħajjin it-tradizzjonijiet marbutin ma’ din il-festa.
Il-programm jinkludi kunċert fil-Knisja ta’ San Girgor fiż-Żejtun nhar it-2 ta’ April minn KorMalta, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Riccardo Bianchi.
L-għada, imbagħad, waqt il-purċissjoni mill-Kappella ta’ San Klement sal-Knisja ta’ San Girgor, ikun hemm diversi bankarelli b’elementi ta’ wirt kulturali biswit l-istess Knisja ta San Girgor.
Ġnien l-Għannejja u l-Ġnien tal-Kmand se jieħdu l-ħajja, bl-inklużjoni ta’ banda biex iżid fl-atmosfera kif ukoll jitgawda l-belvedere tal-post.
Waranofsinhar, il-festi jkomplu max-xatt ta’ Marsaxlokk, bl-opportunità għal dawk li jattendu biex igawdu s-sbuħija ta’ Marsaxlokk, l-ikel u l-għana minn diversi għanejja u kitarristi.
Waqt konferenza fejn tħabbar dan il-programm marbut ma’ din il-festa, id-Direttur tal-Kultura Aleks Farrugia tenna l-impenn tad-direttorat lejn il-patrimonju ħaj ta’ pajjiżna fejn għaddejja ħidma mal-komunitajiet lokali biex jitkattar l-għarfien u l-apprezzament ta’ dan il-wirt.
Għat-tnedija tal-programm attenda l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li t-tnejn tennew l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħin biex l-aspetti tradizzjonali u folkloristiċi marbutin ma’ San Girgor jibqgħu ħajjin u jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra.