Il-ħaddiema tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika se jibbenefikaw minn taħrig bil-għan li jkunu iżjed attrezzati sabiex jaffaċċjaw l-isfidi li s-settur tal-ġbir tal-istatistika qed iġib miegħu.
Id-Direttur Ġenerali Etienne Caruana saħaq li b’kollox il-ħaddiema ta’ dan l-uffiċju se jibbenefikaw minn €350,000 ta’ taħrig f’sena sħiħa. Huwa stqarr li dan it-taħriġ se jgħin lill-uffiċċju jkompli jlaħħaq mad-domanda għall-istatistika li dejjem qiegħda tiżdied.
“Illum apparti milli toħroġ data li hija ta’ kwalitá għolja trid tkun ukoll timely, jiġifieri iktar ma aħna nkunu effiċjenti ħalli noħorġuhom iktar malajr, iktar nkunu nistgħu naqdu lill-pubbliku, ovvjament ukoll lil min irid jiddeċiedi b’mod aħjar, biex ikun jista’ jiddeċiedi b’mod fuq bażi fattwali”.
Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna saħaq kif it-taħriġ se jsir minn riċerkaturi barranin:
“Għandna trainers li intgħażlu mill-Unjoni Ewropea. Dawn ġew mill-Irlanda u mill-Ingilterra, però li jaqsmu in-knowledge tagħhom u l-expertise”.
Huwa stqarr li filwaqt li l-ħaddiema fl-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika huma kollha kwalifikati u wħud minnhom għamlu żmien jistudjaw barra b’suċċess, it-taħriġ se jassigura li dan l-uffiċju nazzjonali ikompli jagħmel progress.
Il-maġġoranza tal-programm ta’ taħrig se jkun iffinanzjat mill Fond Soċjali Ewropew.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia saħaq li dan il-fond huwa fundamentali sabiex il-ħaddiema Maltin, speċjalment dawk li jaħdmu fiċ-ċivil ikunu mħarrġa:
“Malta qed tonfoq, qed tinvesti €14-il miljun ta’ Fondi Ewropej mill-European Social Fund bejn l-2014 u l-2020 biex tħarreġ madwar 5,000 persuna li taħdem fiċ-ċivil”.
Dan sabiex permezz ta’ dan it-taħriġ jingħata l-aħjar servizz minn dawn l-ħaddiema lill-pubbliku.