Tnieda l-programm ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni meħtieġ għal dawk kollha involuti fil-Cannabis Harm Reduction Associations.
Dawn se jkunu liċenzjati taħt reġim mill-iktar serju biex jipprovdu aċċess regolat b’ammont limitat ta’ kannabis għall-użu personali lil membri tagħhom biss.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Rebecca Buttigieg, li matulha ġew ippubblikati linji gwida tal-Harm Reduction, li tiddefinixxi l-operat tal-assoċjazzjonijiet prospettivi.
Intqal li l-assoċjazzjonijiet prospettivi f’dan is-settur se jkunu f’pożizzjoni li jaħdmu bi prattiċi studjati, li se jipprovdu informazzjoni lil riċerkaturi u dawk li jdasslu l-politika f’pajjiżna.
Iċ-Chairman tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, Leonid McKay, fakkar li l-irwol tal-Awtorità mhux li tippromwovi l-użu tal-kannabis iżda li tipprovdi sors regolat bħala alternattiva għas-suq irregolari.
Intqal li l-politika tal-Harm and Risk Reduction tirrikonoxxi li persuni li jużaw il-kannabis m’għandhomx jiġu sfurzati jieħdu trattament jew jispiċċaw fis-sistema tal-ġustizzja kriminali.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, qalet li, mill-bidu nett tar-riforma, il-Gvern ried li jikkumbatti t-traffikar tal-kannabis.
Qalet li l-istrateġija tal-Harm Reduction trid tagħti daqqa lis-suq illegali billi jiġi provdut aċċess leġittimu għall-kannabis taħt skrutinju minn uffiċjali bil-kompetenzi meħtieġa biex jassiguraw li jkunu mħarsa l-kriterji tal-kultivazzjoni, tat-trasport, tal-ħażna, u tad-distribuzzjoni.
Intant, tħabbar ukoll li l-Awtorità se torganizza għadd ta’ round tables tematiċi li se jiffokaw fuq il-kannabis, is-saħħa pubblika, u l-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li se tiltaqa’ wkoll ma’ persuni fil-komunità li jużaw u jikkultivaw il-kannabis.