Il-Glaucoma, l-effetti tad-dijabete fuq ir-retina, u l-katarretti huma l-aktar kawżi komuni li jwasslu għall-problemi fil-vista fil-popolazzjoni Maltija.
Ir-riskju ta’ dawn il-problemi jiżdied mal-etàáu jwasslu għal tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja tal-persuna.
B’dan il-ħsieb, il-Gvern nieda programm ta’ assessjar, konsultazzjoni, u testijiet fl-għajnejn għal dawk kollha li għandhom bejn is-60 u t-80 sena permezz ta’ Programm Nazzjonali ta’ Screening tal-Oftalmoloġija.
L-Iscreening se jkun qed isir fiċ-Ċentru tal-Kura Ġerjatrika f’San Vinċenz de Paul.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-Gvern bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ fl-Isptar San Vinċenz De Paul u li għaliha attenda l-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.
It-testijiet se jsiru minn professjonisti mħarrġin fi kliniċi mwaqqfa apposta u mgħammra bl-aħjar apparat teknoloġiku. Ir-riżultati jiġu eżaminati minn tabib speċjalista fil-kura tal-għajnejn biex imbagħad il-pazjenti jirċievu ittra li tinformahom dwar ir-riżultat u, jekk hemm bżonn, ta’ testijiet ulterjuri.
L-anzjani eliġibbli se jiġu notifikati skont il-lokalità fejn joqogħdu b’rabta ma’ dan il-proċess ta’ screening.
Dawk eleġibbli ma jridux ikunu qed jiġu segwiti diġà fil-kliniċi tal-oftalmolġija tal-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’ Għawdex, jew fi kliniċi tal-oftalmoloġija oħrajn tal-Gvern matul dawn l-aħħar 18-il xahar.
Pazjenti Għawdxin se jkunu mistiedna jipparteċipawf’Għawdex stess.
Il-kirurgu tal-għajnejn Sarah Refalo Azzopardi spjegat li huwa importanti ħafna li, meta wieħed jaqbeż ċerta età, għandu jagħmel test ta’ għajnejh.
Sarah Refalo Azzopardi qalet “Jekk naqbduhom fil-bidu, hemm ċans li jew nipprevjenu jew inkella nitrattawhom qabel ma tibda l-ħsara fil-vista. L-iskop, fl-aħħar mill-aħħar, huwa li l-anzjani tagħna jibqgħu attivi. Huwa importanti ħafna li min ikollu din l-istedina jiġi ħalli, jekk ikun hemm xi problema, naqbduha fil-bidu minflok meta jkun tard wisq.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, spjega li din l-istrateġija nazzjonali ġdida fil-kura tal-għajnejn se tgħin lill-anzjani kollha fil-komunità.
Il-Ministru qal “Il-Gvern huwa kommess li jtejjeb il-ħajja taċ-ċittadini kollha. Dan l-iscreening programme se jkun għal persuni ta’ bejn is-60 u t-80 sena. Fih l-istaff se jagħmel identifikazzjoni ta’ problemi bħal katarretti u dijabete fl-għajnejn. Meta dawn il-kundizzjonijiet se jkunu misjuba, il-pazjenti se jkunu riferuti għal trattament speċjalizzat.”