L-iskejjel kollha tal-istat ta’ Malta u Għawdex se jibbenefikaw minn programm ta’ screening tal-podopedjatrija li jivvaluta s-saħħa tas-saqajn tat-tfal bejn is-sitta u s-seba’ snin.
Dan sar wara li kien introdott proġett-pilota bl-inizjattiva f’numru ta’ skejjel, bil-għan li tivvaluta s-saħħa tas-saqajn minn kmieni.
Ġie spjegat kif il-proġett-pilota involva eżaminazzjoni ta’ 235 student, li minnhom 24 student ġew riferuti għal aktar konsultazzjoni fiċ-ċentru ta’ eċċellenza Podopaediatrics f’Birkirkara fejn qed jirċievu kura speċjalizzata biex jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.
Il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, spjega li l-kura tas-saqajn, minn età żgħira, hi importanti ħafna għax timpatta lil persuna aktar ma tikber fl-età.
Il-Ministru Abela qal kif, permezz tal-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa f’din l-inizjattiva, tfisser impenn għall-benesseri ġenerali tal-istudenti, li tiżgura pedament b’saħħtu għall-futur tagħhom.
“Din hi kura importanti immens li, imbagħad, ħa tkun qed timpatta fuq il-persuna meta tkompli tikber u ssir adult. Il-proċess kien tajjeb ħafna, allura aħna ħa nestendu dan is-servizz għall-iskejjel kollha tal-Gvern f’Malta u Għawdex u nixtiequ li l-iskejjel privati jipparteċipaw ukoll.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, qal li kollaborazzjoni bejn ministeri u entitajiet governattivi qed iwasslu biex itejbu l-benesseri tal-istudenti fl-iskejjel.
“Il-benesseri hu ċentrali fis-sistema edukattiva tagħna u allura qed naħseb biex nassistu u nassiguraw li l-benesseri anke fiżiku jkun milqugħ u assigurat fit-tfal tagħna.”