Michael Sciberras ta’ 31 sena ammetta li wettaq żewġ serqiet.
L-akkużat, li m’għandux indirizz fiss, qal li għandu problema tad-droga u jiddispjaċih ta’ li għamel.
Fil-fatt, hu wera x-xewqa li jidħol programm ta’ rijabilitazzjoni kontra d-droga.
Il-Maġistrat Monica Vella laqgħet din it-talba u tatu ordni ta’ probation u trattament għal sentejn mil-lum.
Nhar is-26 t’Ottubru, Sciberras seraq 200 ewro minn farmhouse fil-limiti tas-Siġġiewi, li hi tas-sieħeb t’ommu.
Hu ġie arrestat is-Sibt wara li ġie identifikat f’filmat li beda jiċċirkola fuq il-midja soċjali li juri lir-raġel jisraq bott tal-karità minn stabbiliment f’Raħal Ġdid.
Il-flus f’dan il-bott kienu jammontaw għal madwar €230.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali argumentat li dan kien inċident żgħir u li jekk jintbagħat il-ħabs, ma jkunx jista’ jagħmel il-programm kontra d-droga.
Il-Maġistrat qalet li jekk ma jispiċċax il-programm, ir-raġel jintbagħat sitt xhur ħabs.