Programm ta’ Residenza ġdid ser ikun qed jieħu post il-programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment magħruf aħjar bħala l-IIP.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat hekk kif spjega li l-programm il-ġdid li kien diskuss flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u approvat mill-Kabinett issa ser ikun qed jiġi diskuss fil-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin.
Is-Segretarju Parlamentari Muscat spjegat: “L-IIP kif inhu llum se jispiċċa. Il-cut-off ħa tkun l-aħħar ta’ Settembru u d-diskussjoni dwar ir-regolamenti l-ġodda se tkun diskussa fil-Parlament fil-ġranet li ġejjin ħa nkunu qegħdin nimux minn Programm ta’ Ċittadinanza għal Programm ta’ Residenza li jista’ jwasslek għal Ċittadinanza.”
Ewlenin fost in-neċessitatjiet li jġib miegħu l-programm ġdid ta’ residenza huwa l-fatt li min ikun ilu joqgħod biss Malta minn tal-inqas sena ser ikun eliġibbli li japplika għal ċittadinanza Maltija.
Dan apparti li persuna ma jistax japplika għal residenza Maltija qabel ma jkun għadda minn proċess rigoruż ta’ skrutinju li jikseb l-informazzjoni kollha fuq l-individwu u l-passat tiegħu.
Proċess li jtul bejn 4 u 6 xhur.
L-Onor. Muscat sostna: “Ħa nkunu qed nagħmlu test rigoruż ħafna saħansitra iktar rigoruż minn dak li konnha qed nagħmlu sa llum il-ġurnata u mhux kulħadd ħa jgħaddi minn dak it-test.”
Malli individwu jgħaddi minn dan il-proċess u jkun ilu joqgħod f’pajjiżna minn tal-inqas sena jkun jista’ japplika għaċ-ċittadinanza Maltija.
Min japplika għaċ-ċittadinanza wara sena biss ser ikun mitlub iħallas €750,000 filwaqt li min japplika wara 3 snin ikun mitlub iħallas €600,000.
Kull minn japplika wkoll irid jħallas €50,000 għal kull dipendent, ikollu propjetá b’valur minimu ta’ €700,000 u jagħmel donazzjoni filantropika għal għaqdiet mhux governattivi tal-għażla tiegħu li ma tkunx inqas minn €10,000 ewro. Il-kirja minima ta’ persuna li japplika għal ċittadinanza Maltija hija ta’ 18,000 ewro.
Il-programm il-ġdid ser jagħmel f’liġi wkoll li l-aġenti għal dan il-programm għandhom ikunu biss awdituri, avukati, accountants u financial advisors liċenzjati.
Kull aġent ser ikollu jgħaddi minn proċess apparti ta’ skrutinju kull sena li jħares lura lejn l-imġieba u l-metodi tagħhom relatati ma’ dan il-programm.
“L-aġenti ħa jkunu iktar responsabbli għall-informazzjoni li jtuna għal mod kif huma jimmarketjaw dawn l-inizjattivi u dawn it-tip ta’ programmi. Ħa nitfgħu iktar responsabbiltà fuqhom sabiex l-aġenti ovvjament joqogħdu ħafna iktar attenti kif iġibu ruħhom għax finalment huma l-ambaxxaturi li huma hemm barra jattiraw dawn l-investiment lejn pajjiżna”, kompla jispjega s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat sostna li b’dan il-programm ġdid issa Malta ser tkun il-pajjiż bl-aktar programm esklussiv u finanzjarjament ogħli fl-Unjoni Ewropea kollha.
Sostna li dan juri kemm il-Gvern jagħti importanza r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/07/04/il-kamra-tal-kummerc-tfahhar-il-programm-ta-residenza-gdid/