Fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti qed isir programm għall-istudenti tal-Year 8.
Il-programm, bl-isem ta’ ‘Teen Outside the Box’, jipprovdi liż-żgħażagħ bl-informazzjoni xierqa u jgħammarhom bil-ħiliet meħtieġa b’rabta mal-vizzji.
Il-kunċett wara l-isem tal-programm huwa li ż-żgħażagħ kollha għandhom iħossuhom liberi li jesprimu lilhom infushom b’mod uniku u li ħadd m’għandu jipprova jibdel lilu nnifsu biex jidħol f’kaxxa partikolari.
Dan il-programm, li ġie introdott mill-aġenzija Sedqa, għandu l-għan li jkompli jibni fuq il-programmi l-oħra li bħalissa qed jiġu implimentati fil-livell tal-iskola primarja.
Il-maniġer tat-tim tal-prevenzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, Jareth Grima, qal li s-sessjonijiet se jieħdu l-forma ta’ workshops interattivi fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiddiskutu diversi suġġetti permezz tal-użu ta’ logħob online u riżorsi interattivi.
Is-suġġetti koperti f’dan il-programm huma t-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-ħiliet biex wieħed ilaħħaq, l-użu għaqli tat-teknoloġija, u l-vizzji.
Is-Sur Grima spjega li, “L-għan ta’ dan il-programm huwa li jiġu żviluppati ħiliet u talenti fit-tfal biex jemmnu fihom infushom, biex jitħarrġu wkoll f’deċiżjonijiet tajbin, fejn ikunu jistgħu jgħixu b’mod aħjar fl-adolexxenza tagħhom, u fil-perkors tal-adolexxenza.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, spjega li programmi bħal dawn jiddentifikaw sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ periklu għat-tfal infushom.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li permezz ta’ dan il-programm, dawn iż-żgħażagħ għandhom iċ-ċans li jitkellmu mhux biss ma’ sħabhom iżda wkoll ma’ għalliema biex jagħtuhom il-pariri dwar id-deċiżjonijiet li għandhom jieħdu.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, spjega li inizjattivi bħal dawn jgħinu lill-istudenti u jagħtuhom formazzjoni xierqa filwaqt li jagħtuhom il-ħiliet meħtieġa b’rabta mal-vizzji.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, qalet li b’dan il-programm l-istudenti jkomplu jemmnu fihom infushom, sabiex ’il quddiem jirnexxilhom ikunu indipendenti u jagħżlu deċiżjonijiet li fuqhom jibnu l-futur tagħhom.