Il-Gvern investa €13-il miljun minn fondi Ewropej fil-programm VASTE sabiex ikompli jsaħħaħ il-ħiliet u l-kapaċitajiet ta’ diversi gruppi vulnerabbli bħal persuni b’diżabilità.
Dan tħabbar f’konferenza tal-Gvern bħala parti mill-kampanja ‘Insaħħu lill-Ħaddiem.’
Il-programm VASTE amministrat mill-Jobsplus jipprovdi taħriġ għal dawn il-persuni qabel jidħlu fid-dinja tax-xogħol u anke waqt li jkunu fuq il-post tax-xogħol. Permezz ta’ dan il-programm min iħaddem għandu l-possibiltà li jirċievi wkoll it-taħriġ neċessarju biex ikun jista’ jintegra aħjar lil dawn il-persuni fuq il-post tax-xogħol.
Waqt l-indirizz tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli saħqet fuq l-importanza ta’ dan il-proġett li jista’ jwassal għal impjieg alternattiv għal persuni b’diżabilitajiet differenti u għal individwi vulnerabbli oħrajn.
Hija qalet, “Sal-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena ġew assistiti permezz ta’ dan il-programm 1,665 persuna. Meta wieħed jieħu average jew il-medja dan ifisser madwar 300 persuna fis-sena li setgħet tieħu dan il-programm bħala linja gwida li se tiftħilha opportunitajiet jew twieqi ġodda lejn xogħlijiet differenti.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-Jobsplus għandha diversi skemi oħra li huma ffinanzjati ukoll b’fondi Ewropej, li minnhom igawdu madwar 27,000 persuna.
Dawn l-iskemi, konġunti mal-għajnuna li qed jagħti l-Gvern lill-intrapriżi u l-ħaddiema f’dan iż-żmien ta’ pandemija, juri l-konvinzjoni tiegħu biex jibqa’ dejjem jagħti sostenn lill-ħaddiem.
Huwa qal, “Insaħħu lill-ħaddiema għaliex nagħtu opportuntajiet ġodda, niftħu l-ekonomija tagħna ta’ pajjiżna filwaqt li nsaħħu l-possibiltà li aktar nies isibu l-post tax-xogħol u nassistuhom biex minkejja d-diffikultajiet kollha naraw li b’mod konkret nagħtu aċċess aqwa lejn is-suq tax-xogħol lill-ħaddiema kollha.”