Il-Kunsill Reġjonali tal-Punent ħejja ktejjeb bi programm ta’ attivitajiet organizzati mill-kunsilli lokali fi ħdan l-istess reġjun.
Dan ġie mniedi waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, u mill-President tal-Kunsill Reġjonali tal-Punent, Sandro Azzopardi, fl-Oratorju ta’ San Ġużepp fir-Rabat.
Ġie mħabbar ukoll li l-Kunsill Reġjonali tal-Punent iffinanzja numru ta’ attivitajiet relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa li se jittellgħu mill-kunsilli lokali fi ħdanu.
L-attivitajiet fil-programm se jittellgħu fuq medda ta’ tliet ġimgħat, bl-ewwel attività ssir il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu f’Ħaż-Żebbuġ u bl-aħħar attività organizzata mill-parroċċa ta’ Ħal Kirkop issir nhar is-7 ta’ April.
Dawk interessati jistgħu jiksbu kopja tal-ktejjeb mill-kunsilli lokali fi ħdan ir-Reġjun tal-Punent.