Nhar il-Ġimgħa li ġej, fil-jum meta l-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jmissu mal-Mediterran se jiltaqgħu f’Malta għal summit tal-MED 9, l-istazzjon ONE se jxandar programm speċjali.
Matul dan il-programm minn filgħodu sa filgħaxija se jkun hemm bosta servizzi interessanti relatati ma’ dan is-summit, intervisti u anke kollegamenti diretti mill-postijiet minn fejn se jkunu qed jiltaqgħu l-mexxejja.
Ix-xandira tal-programm tibda għall-ħabta tad-disgħa u kwart ta’ filgħodu sas-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar. F’din l-ewwel parti tal-programm se naraw il-wasliet tal-mexxejja f’pajjiżna u fi Pjazza Kastilja fil-Belt, hekk kif dawn se jintlaqgħu mill-Prim Ministru Malti, Robert Abela. Wara l-attenzjoni ddur fuq ġewwa tal-Berġa ta’ Kastilja, fejn hawnhekk se jsiru t-taħditiet importanti.
Il-programm ikompli mill-ħamsa ta’ waranofsinhar sa ftit qabel il-bulettin tal-aħbarijiet prinċipali ta’ ONE. F’din it-tieni parti, l-attenzjoni ddur imbagħad fuq l-Imdina, fejn il-mexxejja jindirizzaw lill-midja b’dak diskuss f’din il-laqgħa għolja f’pajjiżna.
Għal dan is-summit f’pajjiżna se jkun hawn il-mexxejja ta’ Franza, l-Italja, Spanja, il-Portugall, il-Greċja, Ċipru, is-Slovenja u l-Kroazja, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.
Il-programm se jkun ippreżentat mill-ġurnalist Samuel Lucas u għandu produzzjoni tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE.