Nhar il-Ħamis li ġej se ssir iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra, li se twassal biex in-Nutara Myriam Spiteri Debono ssir il-ħdax-il President tar-Repubblika.
Dan wara li l-Parlament ivvota b’mod unanimu favur in-nomina tagħha, wara li riformi Kostituzzjonali minn din l-amministrazzjoni kienu jesiġu li jkun hemm bilfors qbil ta’ żewġ terzi mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Dakinhar tal-ħatra, l-istazzjon ONE se jxandar programm speċjali, imtella’ minn ONE News, b’intervisti esklussivi ma’ ħbieb u oħrajn li ħadmu fil-qrib man-Nutara Spiteri Debono.
Tkellimna mal-preżentatriċi tal-istess programm, Antoinette Falzon, dwar x’se jkunu qed jistennew li jaraw it-telespettaturi tagħna.
Dan il-programm speċjali se jibda għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħodu, u se jinkludi, fost oħrajn, il-quddiesa solenni mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-ġurament tal-ħatra fil-Palazz tal-Gran Mastru u anke l-ewwel diskors ta’ Spiteri Debono bħala Kap tal-Istat Malti.