F’ġurnata bnazzi, minn quddiem il-Parlament Malti u aktar tard fi Triq ir-Repubblika sakemm imxewha sa Misraħ San Ġorġ, dalgħodu, il-Forzi Armati ta’ Malta daqqew siltiet mużikali flimkien ma’ marċi brijużi, li ferħu u paxxew lil dawk kollha preżenti, bit-turisti, l-għaxqa tagħhom jiġbdu l-filmati bil-mobile.
Mal-wasla tagħhom f’Misraħ San Ġorġ, il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta bdiet tesebixxi programm taħt it-tmexxija tad-Direttur Mużikali l-Kaptan Jonathan Borg.
Il-Kaptan Jonathan Borg kellimna fuq l-okkażjoni ta’ dalgħodu.
‘F’dawn l-aħħar snin, apparti l-parata li nagħmlu fil-31 ta’ Marzu fil-Birgu, bħal lum nagħmlu parata, aħna l-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, fejn fiha aħna ndoqqu s-siltiet Maltin u b’hekk ħa nkunu qed infakkru wkoll Jum iI-Ħelsien.’