530 student bdew żewġ programmi sabiex matul it-tliet xhur tas-sajf jiġu preparati għat-tranżizzjoni minn skola għal oħra.
Dawn il-programmi, li huma maqsumin fi 42 grupp se jgħinu lill-istudenti Maltin u Għawdxin li fis-sena skolastika li jmiss, mill-Primarja se jmorru għall-iskola sekondarja medja fost oħrajn.
Ma’ dan l-istazzjon rapreżentant ta’ Aġenzija Żgħażagħ qal li t-tranżizzjoni tista’ tikkaġuna diversi emozzjonijiet li jistgħu iħallu effetti negattivi fuq l-istudenti.
Is-Sur Simon Schembri mill-Aġenzija Żgħażagħ qal: “L-idea nibtet mill-fatt li meta nkunu qed niltagħu kemm mat-tfal li sejrin ġo skola differenti jgħidulna li jkollhom ċertu anzjeta u ċertu biża’ għall-fatt li se jibdew fi skola ġdida allura rajna l-ħtieġa noffru dan is-servizz lil dawn l-istudenti.”
Is-sessjonijiet se jipprovdu opportunità lill-istudenti biex jiskopru l-ħiliet personali tagħhom, iħarsu lejn modi effettivi biex jesprimu l-fehmiet tagħhom fil-klassi, jesploraw l-istili ta’ tagħlim tagħhom, jaħdmu b’mod effettiv ma’ studenti sħabhom, jitgħallmu jkunu studenti attivi u kif jamministraw b’mod tajjeb l-ħin kemm fl-iskola kif ukoll fid-dar.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ Clifton Grima saħaq dwar l-importanza li l-istudenti jkunu preparati għall-ewwel sena tagħhom fis-sekondarja u kif ukoll għall-aħħar tliet snin tagħhom fis-sekondarja.
L-Onor. Grima stqarr: “Qed naraw programm illi jħares lejn l-iżvilupp taż-żgħażagħ tagħna li permezz tiegħu nagħtu ż-żgħażagħ l-għodda neċessarja u anke nippreparaw sabiex iħarsu ‘l quddiem b’entużjażmu għas-sena akkademika li ġejja u li fiha se jħabtu wiċċhom ma’ esperjenzi ġodda.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma spjegat li wieħed għadu biċ-ċans biex japplika għat-tieni sett ta’ programm minn Awwissu li ġej.