Grupp ta’ 11-il persuna, seba’ rġiel u erba’ nisa, li l-età tagħhom tvarja minn 17 sa 44 sena, huma l-ewwel grupp ta’ persuni b’diżabilità li temmew b’suċċess programm ta’ taħriġ offrut mis-servizz Way to Work fi ħdan Aġenzija Sapport.
Wara s-suċċess ta’ dan l-ewwel grupp, l-Aġenzija Sapport ħabbret ukoll li l-programm Way to Work se jkun qed jiġi offrut f’Għawdex, għall-persuni b’diżabilità Għawdxin.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, li qassmet iċ-ċertifikati lill-parteċipanti, fakret li din hi wegħda elettorali u tappa oħra fil-mixja ta’ persuni b’diżabilità lejn titjib fil-kwalità ta’ ħajjithom. Dan għax programm bħal dan iqarribhom aktar lejn id-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru qalet li “Is-servizz Way to Work huwa biss ħolqa f’katina ta’ servizzi u inizjattivi li ħadna u se nkomplu nieħdu biex nassiguraw li jkun implimentat il-prinċipju li kulħadd, irrelevanti mill-abbiltà tiegħu, għandu dritt għax-xogħol,” saħqet il-Ministru Farrugia Portelli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, saħaq fuq l-importanza ta’ taħriġ bħal dan għax ikompli jsaħħaħ l-abbiltajiet ta’ persuni b’diżabilità u jwassalhom sabiex ikunu iktar indipendenti.
Hija kompliet tgħid kif “Dan it-taħriġ ikompli jibni fuq is-suċċessi tal-proġett INK u nkomplu naraw interess minn persuni b’diżabilità li jagħmlu sforz attiv sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Ix-xogħol mhux biss jagħti dinjità lill-persuni b’diżabilità imma jagħtihom ukoll l-għodda sabiex ikunu jistgħu jkomplu jgħixu fil-komunità b’mod indipendenti,” qal is-Sur Scicluna.
Shianne Borg, waħda mill-parteċipanti ta’ Way to Work,li temmet b’suċċess it-taħriġ tagħha,liddeskriviet din l-esperjenza bħala waħda pożittiva u li biha saħħet l-abbiltajiet tagħha. Dan għamlitu speċjalment permezz tas-sessjonijiet prattiċi u żjarat fuq postijiet differenti fuq il-post tax-xogħol.
Hija għaddiet messaġġ ta’ inkoraġġiment lejn oħrajn sabiex jidħlu għal din l-esperjenza, li twassalhom għal aktar opportunitajiet.