Il-programm Prince’s Trust International ‘Get Into’, immirat biex jiżviluppa l-ħiliet taż-żgħażagħ u jappoġġjahom fix-xogħol, issa tnieda f’pajjiżna.
‘Get Into’ hu kors ta’ bejn ġimagħtejn u sitt ġimgħat maħsub biex jgħin liż-żgħażagħ qiegħda ta’ etajiet bejn is-sittax u t-tletin sena sabiex jiżviluppaw ħiliet speċifiċi fis-settur u jżidu ċ-ċans tagħhom li jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Iż-żgħażagħ jingħataw taħriġ f’ħiliet vokazzjonali u esperjenza ta’ xogħol fid-dinja reali biex iżidu ċ-ċans ta’ impjegabilità. ‘Get Into’ hu uniku għax jinvolvi lil min iħaddem kemm fl-iżvilupp tal-programm kif ukoll waqt it-taħriġ biex jiżgura li ż-żgħażagħ jissodisfaw fuq il-postijiet tax-xogħol vakanti li jitħarrġu għalihom.
Fl-aħħar għaxar snin, dan il-programm appoġġja lil aktar minn 35,000 żagħżugħ u żagħżugħa fir-Renju Unit. Abbażi dan is-suċċess, il-programm issa qed jappoġġja liż-żgħażagħ internazzjonalment u bħalissa qed jitħaddem f’pajjiżi bħal: l-Awstralja, il-Barbados, il-Kanada, l-Indja u l-Ġordan.
Fix-xhur li ġejjin Aġenzija Żgħażagħ se taħdem ma’ konsulent speċjalizzat minn Prince’s Trust International biex twassal ħames programmi f’setturi differenti f’pajjiżna, inklużi l-ospitalità u l-kura soċjali. Ħaddiema mill-Aġenzija Żgħażagħ se jipprovdu taħriġ dwar ħiliet ta’ impjieg u jappoġġjaw żvilupp bħal: team work, komunikazzjoni u flessibilità. Il-parteċipanti se jkollhom ukoll l-opportunità li jaħdmu fl-industrija permezz tad-disponibbiltà ta’ postijiet tax-xogħol appoġġjati mill-imsieħba li jħaddmu.
‘Get Into’ beda jiġi offrut f’Malta b’kollaborazzjoni ma’ HSBC Malta Foundation u mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol permezz ta’ Aġenzija Żgħażagħ flimkien ma’ msieħba kummerċjali differenti, b’appoġġ ta’ Prince’s Trust International. L-imsieħba kummerċjali huma parti integrali mill-programm.
Iż-żgħażagħ bħalissa qed jiġu reklutati biex isegwu numru ta’ programmi ‘Get Into’ li jinkludu: ‘Get Into Hospitality’ mal-InterContinental u ma’ Hilton Malta; ‘Get Into’ Social Care mal-Grupp Vassallo; ‘Get Into’Customer Service ma’ HSBC UK Contact Centre Malta; ‘Get Into’ Retail ma’ Smart Supermarket u Dizz Group.
Dawk interessati li jirċievu iktar informazzjoni dwar dawn l-opportunitajiet jistgħu jagħmlu dan permezz tas-servizz nazzjonali ta’ Appoġġ għall-Istudenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol permezz tad-dettalji: Is-Sur Ivan Fenech fuq 99784022 jew ivan.fenech@ilearn.edu.mt.
Għal aktar informazzjoni dwar Prince’s Trust International, wieħed jista’ jikkuntattja lil Carmen Di Cara, Brand & Communications Manager: carmen.dicara@princestrustinternational.org jew +44 (0) 20 7543 7482.