Il-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali nieda programm ta’ fondi ġdid li għandu l-għan li jżid is-sigurtà u jsaħħaħ l-infrastruttura tal-kmamar tan-nar, u dan minħabba r-rwol prominenti li din l-industrija għandha fiċ-ċelebrazzjonijiet u l-kultura Maltija. Fl-istess ħin dan il-fond se jkun qiegħed jgħin biex dan is-settur isir aktar b’saħħtu u popolari mal-pubbliku.
Dan il-fond ġie mħabbar proprju din il-ġimgħa mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici li faħħar dan il-pass, kif ukoll saħaq fuq l-importanza tas-sigurtà waqt ix-xogħol li jsir fil-kmamar tannar. Il-wirjiet spettakolari li jixegħlu s-sema tagħna huma msemmija għal-livell għoli ta’ artistrija u kreattività, iżda ftit huma dawk li jafu li wara l-kwinti jkun hemm ħafna xogħol għaddej biex jiġi żgurat li kollox jimxi sew. “Min jaħdem il-logħob tan-nar huwa wkoll artist għaliex joħloq prodott kulturali li tant jattira interess kemm fost il-Maltin u anka dawk it-turisti li jżuruna. Aħna għandna għal qalbna t-tradizzjonijiet kulturali ta’ pajjiżna u rridu li jkomplu jimxu ’l quddiem,” qal il-Ministru Bonnici.
Dan il-fond qed jitnieda qabel il-bidu tal-istaġun tal-festi, biex jibda l-proċess ta’ żieda fis-sigurtà. Dan is-settur huwa wieħed tant għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin, li ta’ kull sena ħafna minnhom ikunu qegħdin jistennew bil-ħerqa li tasal il-festa, kif ukoll dawk li jitpaxxew bir-riżultat ta’ dan ix-xogħol, li huwa popolari wkoll lil hinn minn xtutna. Il-fond, li joffri finanzjament għall-ħidma tal-kmamar tan-nar Maltin li jaħdmu fuq bażi volontarja, se jalloka fondi sabiex il-kmamar tan-nar itejbu l-infrastruttura tagħhom biex il-voluntiera jkunu jistgħu jaħdmu f’post aktar sikur, kemm waqt il-manifattura kif ukoll waqt ilħruq tal-istess nar. Il-fond jaħseb ukoll sabiex il-voluntiera jkunu jistgħu jinvestu f’riżorsi li jgħinu sabiex tittejjeb il-kwalità tal-prodott pirotekniku Malti fejn tidħol sigurtà. Hemm allokati total ta’ €170,000 għal dan il-fond għal din is-sena. Kull kamra tan-nar tista’ tibbenefika minn għotja sa massimu ta’ €5,000. Dawn jistgħu jintużaw kollha għal skopijiet infrastrutturali. F’każ li jkun hemm talba għal spejjeż ta’ natura kurrenti, dawn ma jistgħux jaqbżu l-40% tat-talba u xorta waħda jridu jkunu marbutin mas-sigurtà.
Għat-tnedija tal-fond kien hemm preżenti wkoll Albert Marshall, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti li kkummenta dwar kif il-logħob tan-nar u l-ħiliet artistiċi li jmorru miegħu huma parti integrali mill-kultura tagħna u sikwit imorru dritt fil-qalba tal-komunità. Il-komunità hija waħda minn ħames miri strateġiċi tal-Istrateġija 2020, il-pjan tal-Kunsill Malti għall-Arti għas-setturi kulturali u kreattivi sal-2020. Sabiex ikunu eliġibbli għal dan il-fond, il-kmamar tan-nar iridu joħorġu b’ideat u proposti sabiex jagħmlu restawr tal-kmamar tan-nar infushom; investiment fl-infrastruttura tal-kmamar tan-nar; investiment f’makkinarju u għodda li jiffaċilitaw il-manifattura tan-nar u jagħmlu l-produzzjoni iktar sikura; investiment f’apparat u armar biex jaħarqu n-nar b’mod iktar sikur; investiment f’riżorsi ta’ taħriġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sigurtà fil-manifattura tan-nar; kif ukoll tisħiħ ta’ kollaborazzjoni bejn il-kmamar tan-nar Maltin.
Il-fond huwa miftuħ għall-kmamar tan-nar liċenzjati u reġistrati bħala organizzazzjoni volontarja. F’każ li l-kamra tannar tkun tagħmel parti minn għaqda mużikali, din trid tkun irreġistrata bħala organizzazzjoni volontarja. L-applikazzjonijiet eliġibbli kollha se jiġu evalwati minn bord ta’ evalwaturi skont il-kriterji stabbiliti fil-linji gwida. L-applikazzjonjiet jistgħu jinkisbu mill-uffiċċju tal-Kunsill Malti għall-Arti fil-Belt Valletta jew mis-sit elettroniku tal-Kunsill www.artscouncilmalta.org mid19 ta’ Marzu. L-applikazzjonijiet għandhom jitressqu bl-idejn sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2018 f’nofsinhar.