Ingħata bidu għat-tfassil ta’ programm ġdid ta’ rijabilitazzjoni għal żgħażagħ taħt il-21 sena kemm maskili kif ukoll femminili, li qed jiskontaw sentenza karċerarja jew li qed jistennew mill-Qorti l-eżitu tas-sentenza tagħhom.
Dan huwa l-ewwel programm tax-xorta tiegħu fuq livell lokali mmexxi mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u qed jitfassal minn grupp ta’ professjonisti fil-qasam tas-servizzi korrettivi.
Dawn jinkludu professjonisti fl-edukazzjoni korrettiva, psikoloġija forensika, fl-isports, fil-kriminoloġija, li ġejjin minn diversi imsieħba differenti lokali. Magħhom ingħaqad ukoll Kim Ehaugen, espert fir-riforma fl-imġiba għall-priġunieri żgħażagħ min-Norveġja, pajjiż b’reputazzjoni internazzjonali għas-suċċessi li kiseb fil-qasam tal-ġustizzja reparatorja.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela żar lil dan il-grupp li kien qed jiltaqa’ fl-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja. Hawnhekk ġie spjegat li dan il-programm il-ġdid mistenni jfassal curriculum edukattiv strutturat u aġġornat mar-realtajiet soċjali preżenti u li jindirizza aspetti bħal taħriġ formali u informali għall-iżvilupp tal-ħiliet kemm personali u akkademiċi ta’ dawn iż-żgħażagħ, flimkien ma’ opportunitajiet ta’ sports u xogħol.
Barra minn hekk qed jitfassal ukoll programm ta’ taħriġ għall-uffiċjali korrettivi li jaħdmu ma’ dawn iż-żgħażagħ.
Il-Ministru Abela temm billi rrimarka l-importanza li jkollna attivitajiet edukattivi għal żgħażagħ mimlijin enerġija u li forsi s’issa ma kellhomx l-opportunità li jsibu min jieħu ħsieb l-interess tagħhom u jħarriġhom. B’hekk, meta jirritornaw lura fis-soċjetà jkollhom quddiemhom futur aħjar mill-passat, iżommu ‘l bogħod miċ-ċirku ta’ kriminalità u jsiru ċittadini li jikkontribwixxu għall-ġid tal-pajjiż.
Fil-preżent 11-il żagħżugħ tas-sess li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn is-sittax u l-wieħed u għoxrin sena qegħdin jiskontaw jew jistennew l-eżitu tas-sentenza tagħhom f’faċilità fl-Imtaħleb.