Tnediet l-ewwel edizzjoni tal-programm “Let’s Talk Farming”, li se jippromwovi s-setturi tal-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel fost eluf ta’ tfal żgħar fl-iskejjel primarji ta’ pajjiżna.
L-għan huwa li jiżdied l-għarfien fost it-tfal dwar is-sistemi tal-ikel differenti li jeżistu u l-produtturi tal-ikel, bħall-bdiewa u r-raħħala.
Fil-fatt, dan il-programm se jkopri tmien kategoriji li jduru ma’ kif jiġi prodott l-ikel, min jipproduċih, l-impjiegi assoċjati mal-biedja, l-irwol tal-biedja fil-ħarsien tal-kampanja, l-impatt tal-klima fuq il-biedja u l-ħarsien tal-annimali.
Il-programm se jħares ukoll lejn il-benefiċċji tal-konsum responsabbli tal-ikel u l-ħtieġa li tkun limitata l-ħela tal-ikel.
L-attivitajiet organizzati bħala parti minn dan il-programm se jkunu diversi, fosthom dawk ta’ ħiliet artistiċi u kreattivi relatati mas-suġġett, matematika tal-biedja, eżerċizzji ta’ ħsieb kreattiv, sessjonijiet ta’ informazzjoni mal-bdiewa u r-raħħala, ħarġiet edukattivi u anki attivitajiet li jinvolvu lill-ġenituri tat-tfal.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo qal li programm bħal dan se jesponi l-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala biex it-tfal ikunu jistgħu japprezzaw iktar ix-xogħol li jsir biex jieklu platti b’ingredjenti friski u bnini.
Qal, “Lit-tfal tagħna se nagħmluhom iktar rikonoxxenti tal-biedja tagħna, dwar l-ikel li aħna nikkunsmaw sabiex nagħtuhom dik l-edukazzjoni li hija tant importanti għat-tfal tagħna għas-snin li ġejjin.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima nnota kif dan il-programm jieħu lill-istudenti lil hinn mill-kurrikulu imma jsaħħaħ u jwessa’ t-tagħlim li jieħdu l-istudenti fil-klassijiet.
Qal, “Huwa importanti li nkomplu nagħmlu enfasi fuq dal-programm li s’issa attira mal-ħamsin skola permezz t’edukaturi dedikati li permezz tagħhom, l-istudenti flimkien mal-bdiewa qegħdin jagħmlu dal-programm li għandu numru ta’ benefiċċji.”