Tnieda programm ġdid li se jkun qed jgħin lin-negozji żgħar u medji sabiex itejbu l-livell tas-sigurtà tal-pjattaformi diġitali tagħhom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, f’konferenza tal-aħbarijiet. Il-programm, bl-isem ‘Mind the Gap’, jikkonsisti f’żewġ skemi, waħda li tassessja s-sigurtà tan-negozji u l-oħra li tipprovdi sa massimu ta’ €10,000 biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet misjuba.
Fl-aħħar, se jingħata wkoll ċertifikat li joffri serħan il-moħħ lill-konsumaturi fejn tidħol is-sigurtà online. Dan il-proġett, li huwa kollaborazzjoni bejn tliet entitajiet fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija, l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, Tech Mt, u l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni Diġitali (l-MDIA), qed jalloka €100,000 għal dawn l-iskemi, bis-sistema ta’ min japplika l-ewwel jinqeda l-ewwel.
L-ewwel skema hija awtovalutazzjoni taċ-ċibersigurtà li se tkun immexxija mill-MDIA. Wara r-reġistrazzjoni, permezz tas-sit online, se jkun hemm awtovalutazzjoni, b’50 mistoqsija dwar 20 kategorija, sabiex jiġu determinati n-nuqqasijiet.
Wara li jsir dan l-assessjar u jkun rikonoxxut mill-MDIA, in-negozju jgħaddi għat-tieni skema. L-Iskema għat-Titjib taċ-Ċibersigurtà se tkun amministrata minn Tech.mt. Din se tkopri ħlasijiet biex in-negozju jkabbar iċ-ċibersigurtà tiegħu, fosthom billi jinxtraw l-għodod neċessarji.
Il-Ministru Silvio Schembri, aċċenna wkoll għall-pakkett ta’ fondi Ewropej ta’ aktar minn €2.2 biljun ewro, li tnieda aktar kmieni din il-ġimgħa. Huwa qal li dan il-programm huwa ħolqa waħda minn katina ta’ inizjattivi, proġetti, u miżuri għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Malta Diġitali.
“F’Novembru li għadda, nedejna l-istrateġija għal pajjiżna, Malta Diġitali. Din hi ffurmata minn 5 stateġiji oħra ta’ diversi entitajiet, u dak iż-żmien nedejna l-istateġija mhux biex sempliċiment ikollna dokument sabiħ, imma biex naraw l-implimentazzjoni. Cyber Security, dejjem nħobb nuża l-eżempju, qisek għandek ħanut. Jekk inti m’għandekx cyber security tajba għalih, qisek għandek ħanut li tlaqt ’il barra u ħallejt il-bieb miftuħ. L-istess ħaġa fuq negozji kollha fuq pjattaforma diġitali.”

Huwa semma wkoll kif il-pandemija wasslet bosta negozji li kellhom jagħlqu, biex jestendu n-negozji tagħhom online. Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman għall-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni u Diġitali u Kap Eżekuttiv ta’ Tech Mt, Wayne Grixti, spjega kif l-għan ta’ dawn l-iskemi hu li jipprovdu aktar għarfien u maturità fil-qasam diġitali. Huwa spjega wkoll il-proċess ladarba wieħed idaħħal l-applikazzjoni tiegħu.
“Jgħaddi minn 50 mistoqsija, fost l-oħrajn semmejna, eżempju, illum, tilloggja fil-portal, tara li qed iżżomm il-passwords siguri, jekk għandekx fatturi oħra apparti l-passwords – jintbagħat il-code b’sms, eċċetra, imbagħad meta jlesti l-assessment, jiġu identifikati gaps. Dawk il-gaps, imbagħad, biex in-negozji jkunu jistgħu jimplimentaw soluzzjoni biex jagħlquhom, hemm it-tieni fażi. Hija l-fażi fejn se titlob għajnuna finanzjarja mingħand it-Tech Mt.”