Ġie varat programm edukattiv ġdid għall-iskejjel, miċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza, l-Esplora, għat-tmien sena konsekuttiva.
Dan bil-għan li titrawwem aktar passjoni lejn is-suġġetti tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika, magħrufa bħala STEAM.
Dawn id-diversi opportunitajiet huma mħallta, fosthom b’attivitajiet ta’ Xjenza, workshops prattiċi kif ukoll esperjenzi fil-Planetarium, li huwa immirat għall-istudenti mill-klassijiet tal-Kindergarten ’il fuq. Filwaqt li l-programm jorbot mal-kurrikulu u s-sillabi, jipprovdi diversi opportunitajiet għall-istudenti biex irawmu l-ħiliet u l-kompetenzi tas-seklu 21 permezz tax-Xjenza.
Din it-tnedija, saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti u l-Kap ta’ Esplora Olaf McKay.
Il-Ministru Grima, irrimarka l-ħidma tal-Gvern, sabiex aktar studenti jagħżlu suġġetti STEAM, anki permezz tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-settur formali u dak mhux formali, li huwa wieħed mill-għanijiet tal-ESPLORA.
Qal, “Qegħdin naħdmu id f’id, sabiex naraw li nikkumplimentaw il-kurrikulu edukattiv ta’ uliedna, li naraw, li dejjem aktar tfal jersqu, japprezzaw u jsiru jħobbu dawk li huma suġetti marbuta max-xjenza.”
Matul iż-żjarat ta’ orjentazzjoni tal-karriera offruti minn Esplora, l-istudenti jipparteċipaw f’workshops interattivi b’attivitajiet ta’ tagħlim ibbażati fuq diskussjoni li jipprovdulhom l-opportunità li jiskopru xi wħud mill-ħiliet u l-abbiltajiet tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar l-importanza tax-xogħol tal-Esplora fl-edukazzjoni taċ-ċittadini, b’mod partikolari tat-tfal.
Qal, “Tkompli l-ħidma tal-Gvern, fil-promozzjoni tas-suġġetti STEAM. Ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Mhux il-promozzjoni biss, iżda anke t-tagħlim. Illum hawnhekk, għadna kemm rajna, l-ESPLORA varat il-programm edukattiv, għal din is-sena skolastika, fejn it-tfal flimkien mal-ġenituri, il-gwardjani tagħhom, huma mistennija li jattendu hawnhekk.”
Waqt it-tnedija, il-Kap ta’ Esplora Olaf McKay qal li l-għan tal-Esplora huwa li nqarrbu x-xjenza u t-teknoloġija lejn il-pubbliku.
Qal, “Qegħdin nikkumplimentaw, it-temi STEAM u STEM mal-kumplament ta’ li qed isir fl-iskejjel tagħna, f’Malta, u f’Għawdex. Din hija l-ESPLORA, fejn qed inressqu x-xjenza u t-teknoloġija, aktar viċin in-nies, aktar viċin il-komunità.”
Wieħed jista’ jara l-programm edukattiv fuq https://esplora.org.mt/wp-content/uploads/2023/09/Educational-booklet-23-web.pdf