Madwar ħames mitt student ta’ bejn l-ewwel sena u l-għaxar sena, se jattendu għal lezzjonijiet magħrufa bħala “Catch-Up Sessions” ġħal tmien ġimgħat tul il-vaganzi tas-sajf.
Dawn il-lezzjonijiet, li se jsiru f’sitt ċentri u anki permezz ta’ skola virtwali online, se jgħinu lill-istudenti jirkupraw tagħlim mitluf minħabba l-pandemija.
Il-programm jinkludi varjetà ta’ attivitajiet akkademiċi, minn lezzjonijiet tal-Matematika, l-Ingliż, il-Malti, u x-Xjenza għal attivitajiet maħsuba biex jibnu l-karattru u l-personalità tat-tfal.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kurrikulu fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Jude Zammit spjega aktar dwar dan il-programm edukattiv.
Qal, “Dan ikopri kemm mill-Year 1 sal-Year 10. Reġa’ kellna korrispondenza tajba ħafna u l-konkorrenza tinkoraġġina biex programmi bħal dawn nibqgħu nagħmluhom, anki kif għamilna matul din ix-xitwa, anki għax-xitwa li ġejja wkoll.”
Waqt żjara li għamel f’wieħed miċ-ċentri, fil-Kulleġġ Santa Tereża f’Birkirkara, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima sostna kif dan il-programm qed jgħin lill-istudenti biex jilħqu l-livell mixtieq fl-edukazzjoni tagħhom.
Qal, “Permezz ta’ dan il-programm qegħdin nikkonfermaw kif bħala Gvern nemmnu li għandna nagħtu l-għodda kollha neċessarji lill-istudenti tagħna sabiex jilħqu l-livell sħiħ tagħhom. Dawn il-catch-up classes qegħdin jinvolvu numru ta’ edukaturi li jinsabu f’ċentri madwar Malta kollha, kif ukoll għandek ċentri li barra li huma fiżiċi huma wkoll virtwali u hemmhekk hemm attendenza numeruża.”
L-edukaturi li huma parti minn dan il-programm sostnew l-importanza li tant tfal ikollhom din l-opportunità li jgawdu sessjonijiet ta’ attivitajiet, li jsostnu s-saħħa mentali u fiżika tagħhom, flimkien mal-progress edukattiv.