Il-lokalità tas-Siġġiewi għaddejja minn xogħlijiet infrastrutturali b’saħħithom, li qed isiru mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, biex jissebbħu żoni prinċipali ffrekwentati mir-residenti u dawk kollha li jżuru l-lokalità.
Bħalissa qed jinbena mill-ġdid iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi, li hu magħmul mill-ġebla tal-franka u l-madum tas-siment, b’investiment ta’ miljun ewro. Iz-zuntier ġarrab ħsarat estensivi fl-imgħoddi, anke minħabba interventi li ma kinux skont is-sengħa meħtieġa.
Dwar dan ikkummenta s-Sindku ta’ din il-lokalità mdaqqsa, Dominic Grech.
Qal, “Dan huwa proġett li ilna nistennewh għal ħafna snin fis-Siġġiewi. Proġett li se jagħti dimensjoni ġdida lil dan iz-zuntier tant sabiħ li ovvjament kien wasal iż-żmien li jsir proġett fuqu. Ħdimna tul dawn l-aħħar snin. Anke wkoll bħala Kunsill Lokali, kellna sehem importanti bħala stakeholder f’dawn id-diskussjonijiet flimkien mal-Parroċċa, però fuq kollox id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-intervent tal-Gvern ċentrali, li kieku ma kienx għalihom dan il-proġett kien jibqa’ ħolma.”
Dawn ix-xogħlijiet attwalment qed isiru f’disa’ fażijiet, bi ftehim mal-Arċipriet tal-Parroċċa, biex il-Knisja tibqa’ topera b’mod normali, inkluż fil-jiem tal-festa ta’ San Nikola.
Kif spjega l-Arċipriet innifsu Dun Josef Mifsud.
Qal, “Kif miexi x-xogħol, u l-komfort min-naħa tal-Perit u l-kuntrattur u hekk, jidher ovvjament ċar li se jkun hemm spazju biex San Nikola jitla’ u jinżel, anke biex inserrħu ras in-nies ukoll. Ovvjament hu proġett ta’ ħafna iżjed minn sena dan, jiġifieri mhux se jkun lest kollu. Imma ħa jkun hemm spazju biżżejjed biex San Nikola, fil-każ ta’ din is-sena, jitla’, jinżel u jerġa’ jitla’ lura.
Il-materjal, li qed jintuża biex jifforma z-zuntier il-ġdid, hu dak tal-Pietra di Modica, waqt li x-xogħol fuq dan il-materjal speċifiku qed isir f’żewġ fażijiet, inkluż barra minn xtutna. It-taraġ ta’ dan iz-zuntier, li qed jinbena identiku wkoll għal dak l-oriġinali, waħdu hu fformat minn elf u mitejn biċċa.
Fl-istess ħin qed isiru xogħlijiet fil-Qasam tad-Djar tar-Ramija, b’investiment ta’ madwar erba’ mitt elf ewro oħra, biex din iż-żona fejn jgħixu mijiet ta’ residenti tissebbaħ permezz ta’ ġnien, passaġġi u postijiet fejn wieħed ikun jista’ jirrilassa, waqt li se tkun attrezzatta b’għamara tat-triq moderna u anke servizz ta’ Wi-Fi b’xejn.
Qed jinbena wkoll ġibjun taħt iż-żona biex l-ilma li jinġabar mix-xita awtomatikament jintuża għat-tisqija tal-pjanti u s-siġar li se jsebbħu l-post.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, iddeskriva ż-żewġ proġetti bħala kruċjali għar-residenti.
Qal, “Is-Siġġiwin għandhom biex ikunu kburin b’dawn iż-żewġ proġetti li qed inwettqu mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, dak taz-zuntier tal-Knisja fil-qalba ta’ din il-lokalità u hawnhekk fiż-żona ta’ Ramija. Żona li kienet mitluqa fil-housing estate ta’ din il-lokalità, li se nirriġenerawha. Se nagħmlu spazju pubbliku biex it-tfal tagħna, iż-żgħażagħ tagħna, il-familji tagħna, l-anzjani tagħna jiġu hawnhekk biex jirrilassaw fil-ħin komdu għalihom.”