B’investiment ta’ €217,000, li huma ko-finanzjati minn Fondi tal-Unjoni Ewropea ġew inawgurati diversi proġetti ta’ konservazzjoni u restawr, fil-knejjes ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr.
Fil-Knisja ta’ Ħad-Dingli ġew irrestawrati sbatax-il pittura tal-Via Sagra, il-pedestall u n-niċċa tal-Madonna tar-Rużarju u l-istatwa tas-seklu sittax ta’ San Ġwann Battista, li hi maħsuba li nġiebet Malta mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Fl-Imġarr sar it-tindif tal-pannella tal-mużajk tal-pedament tal-knisja, li turi l-Madonna mtella’ s-sema.
Din saret fl-elf disa’ mija ħamsa u erbgħin, bl-uniku xogħol li sar matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Parlamentari għal fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, li saħaq li permezz ta’ dawn il-fondi qed jissaħħaħ il-patrimonju li għandna fil-knejjes f’pajjiżna.
Qal, “Dan huwa xogħol li qed isir flimkien mal-Fondazzjoni li tieħu ħsieb il-wirt Ekkleżjastiku f’pajjiżna, ix-xogħol importanti li permezz tiegħu dak li ħallew missirijietna, qegħdin naraw li nħalluh fi stat tajjeb, nikkonservawh u nagħmlu r-restawr kollu meħtieġ biex inħalluh lil ta warajna ferm aħjar.”
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal kif permezz ta’ dan ir-restawr qed jitħares il-patrimonju ta’ dawn il-knejjes.
Dawn il-proġetti huma parti minn tnejn u tletin proġett ta’ restwar u konservazzjoni.
Matul din is-sena se joħorġu s-sejħiet għall-offerti għal proġetti ta’ restawr u konservazzjoni f’diversi paroċċi oħrajn.