Studenti minn tmien skejjel qed jieħdu sehem fir-raba’ edizzjoni tal-proġett LIFE, bil-għan li jinħolqu proġetti tal-konservazzjoni tal-ilma fl-iskejjel.
Waqt attività li fiha l-istudenti ppreżentaw l-ideat tal-iskejjel, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli spjegat kif qed jiġu allokati għaxart elef ewro biex l-istudenti jkunu jistgħu jwettqu dawn il-proġetti.
Wieħed mill-istudenti spjega xi proġetti għamlet l-iskola tiegħu.
“Bħala skola ħdimna fuq żewġ proġetti, l-ewwel proġett li nibdlu sittax-il vit sabiex naħlu anqas ilma u proġett ieħor sabiex niġbru l-ilma fil-bir taħt il-ground tal-iskola stess.”
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif b’dan il-mod qed jiżdied l-għarfien dwar l-użu effiċjenti tal-ilma.
“Qegħdin naraw li nkompli ndaħħlu aktar għarfien fit-tfal tagħna dwar is-sostennibilità u f’dan il-każ anke fil-konservazzjoni tal-ilma. Fil-fatt ħadt gost nara tmien proġetti minn skejjel differenti fejn l-istudenti ħarġu b’ideat biex f’dan il-pajjiż inrawmu aktar għarfien tal-konservazzjni ta’ riżorsa daqsekk importanti, dik tal-ilma.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano sostna dwar l-importanza taċ-ċentru GĦAJN u rrimarka kif bidliet żgħar jistgħu jħallu impatt kbir.
“F’dan iċ-ċentru nuruhom il-kunċetti ta’ kif wieħed jista’ juża l-ilma b’mod aħjar, interattiv li huma wkoll jistgħu jinvolvu ruħhom u jwasslu l-messaġġ fl-iskejjel tagħhom, fid-djar tagħhom u fil-komunità.”
Għal din l-attività attendew studenti u għalliema mill-iskola Primarja ta’ San Ġorġ Preca Valletta u Floriana, Savio College, l-iskola Primarja ta’ San Nikola fir-Rabat, St. Edward’s College fin-Naxxar Induction Hub, St. Paul’s Missionary College ir-Rabat u l-iskola Medja Santa Tereża f’Birkirkara.