Tul din il-ġimgħa l-ħidma tal-Gvern baqgħet għaddejja.
F’kollegament telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega li minn kumpanija falluta taħt gvern preċedenti, l-enemalta illum mhux biss qiegħda fuq saqajha iżda qed tinvesti barra minn xtutna.
Dan fid-dawl tal-proġett tal-enerġija rinovabbli li ġie ffirmat f’Montenegro.
Il-Prim Ministru stqarr li “Kien proġett illi bdejna fil-leġislatura li għaddiet, fejn bdejna proġett li permezz tiegħu il-kumpanija enemalta li kienet falluta prattikament, saret issa kumpanija li taqla’ l-flus u tinvesti anke barra l-pajjiż b’tali mod li taqla’ aktar flus għal Maltin u l-Għawdxin. Jiġifieri dan kien xi ħaġa li wieħed lanqas biss kien jimmaġina li ssir sa ftit taż-żmien ilu u rnexxielna nagħmluha.”
Din l-aħbar fil-bidu tal-ġimgħa kienet ikkumplimentata bl-inawgurazzjoni tal-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex fl-aħħar tal-ġimgħa. L-inawgurazzjoni tal-iskola medika sar permezz ta’ investiment ieħor mal-privat minbarra l-Ewropa, mill-istati uniti li se tkun qed tressaq studenti barranin lejn l-gżira tat-tlett għoljiet.
Il-Prim Ministru stqarr li dawn il-kisbiet huma emblemi tat-tibdil pożittiv li ra pajjiżna.
“Dawn huma żewġ, biex ngħidu hekk emblemi tal-mod ta’ kif inbidlet l-ekonomija tal-pajjiż, ta’ kif qiegħed jinbidel dan il-pajjiż”, sostna l-Prim Ministru.
Stqarr li huwa permezz ta’ kisbiet bħal dawn li l-Kummissjoni Ewropea ma sabet l-ebda problema li tapprova l-budget għas-sena d-dieħla, filwaqt li aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu qed ikomplu itejbu r-rating ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru stqarr kif dan huwa Gvern li jżomm kellmtu. Fisser kif ingħataw il-pagamenti lil dawk in-nies li sofrew inġustizzja fil-passat, nies tal-korpi, il-ħaddiema tax-xatt, membri tal-korp tal-pulizija preżenti u passati.
Dr Musat temm jgħid li “Dawk huma s-sodisfazzjonijiet tax-xogħol illi naraw li noħolqu l-frott u dan il-frott inqassmuħ biex il-ġid jasal għal-kulħadd.”