Ħmistax-il għaqda mhux governattiva u kunsilli lokali ngħataw donazzjoni ta’ tliet elef ewro bħala parti mill-iskema ‘Achievers’.
Din l-iskema li tiswa disgħin elf ewro, għandha l-għan li teduka lit-tfal u żgħażagħ biex joqgħodu ‘l bogħod mill-vizzju tad-droga.
Dawn il-ħmistax-il proġett intagħżlu minn Bord tal-Għażla minn fost erbgħa u erbgħin proġett.
Waqt din is-serata tkellimna ma’ wieħed mir-rebbieħa ta’ din l-iskema, Neil Portelli li kien qiegħed jirrappreżenta lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien.
Il-proġett tal-Kunsill lokali Tarxiniż qed jippromovi l-attività fiżika u anke l-għarfien dwar il-ħsara li tagħmel id-droga ġewwa din il-lokalità, fejn kollox qed isir mill-kumdità tad-dar tagħhom minn fuq il-midja soċjali.
Is-Sur Neil Portelli, Kunsilleir Tarxiniż spjega: “Prattikament qed naraw li l-involviment taż-żgħażagħ mas-snin jonqos fir-raħal. Allura naħsbu li permezz ta’ din l-iskema tista’ tkun ta’ għajnuna sabiex jinvolvu ruħhom aktar fis-soċjetà.”
Preżenti għat-tħabbira tar-rebbieħa ta’ din l-iskema kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar.
Hija qalet kif permezz ta’ dawn il-fondi qiegħed jitkabbar l-għarfien fost il-komunitajiet Maltin u Għawdxin fuq dan is-suġġett.
L-Onor. Cutajar stqarret: “Bħala Gvern aħna niskorraġixxu l-użu tad-droga, iżda fl-istess waqt nirrikonoxxu r-realtajiet li għandna f’pajjiżna. Huwa permezz ta’ dan il-programm, permezz ta’ dawn il-fondi li qegħdin ninvestu biex ikollna iżjed għarfien fuq livell lokali u anke fil-komunitajiet tagħna dwar dan is-suġġett.”