Ġie ppubblikat l-Avviż Legali li permezz tiegħu Project Green tkun tista’ twettaq b’aktar ritmu mgħaġġel proġetti ta’ spazji miftuħa u ġonna fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif kien qed jiġi intervistat waqt il-programm XTRA fejn irrimarka wkoll li ġie ppubblikat Avviż Legali ieħor li bih l-Awtorità tal-Ippjanar qed issaħħaħ ir-regolamenti fuq żviluppi f’siti industrijali mmexxija minn INDIS u Malta Enterprise.
Filwaqt li b’rabta ma’ mistoqsijiet relatati mal-ambjent il-Prim Ministru sostna li matul din is-sena se jinfetħu 19-il spazju miftuħ ġdid, huwa wieġeb ukoll dwar l-aħħar żviluppi fil-Palestina u kif pajjiżna jirrikonoxxi b’mod sħiħ id-dritt tal-poplu Palestinjan għal stat sovran. Għaldaqstant, jagħti lill-Missjoni Diplomatika tal-Awtorità Palestinjana f’Malta l-istess immunitajiet u privileġġi li jingħataw lill-missjonijiet diplomatiċi ta’ stati oħra f’Malta.
Dr Abela tul il-programm ħabbar ukoll kif Ronald Mizzi se jkun maħtur mill-ġdid Segretarju Permanenti. Dan wara dubji kbar li komplew iqumu b’rabta mal-inkjesta tal-isptarijiet.
Intant, il-Prim Ministru ġie mistoqsi wkoll dwar l-aħħar żviluppi relatati mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja b’rabta mal-programm ta’ ċittadinanza f’pajjiża. Hawn il-Prim Ministru sostna kif filwaqt li kien sorpriż kif il-Qorti qalbet ta’ taħt fuq l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma stenna xejn differenti hekk kif esponenti u Ewroparlamentari Nazzjonalista fosthom Roberta Metsola u David Casa, ikkampanjaw b’saħħa favur din id-deċiżjoni kontra Malta u l-poplu kollu.