Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, flimkien ma’ The Malta Trust Foundation, nedew il-proġett Vajrinġa – Ċentru għall-Mużika u l-Arti għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità.
Dan il-proġett, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Għawdex, huwa estensjoni ta’ dak li qed isir ġewwa ċ-Ċentru għall-Mużika u l-Arti f’Santa Venera, imfassal speċifikament għal bżonnijiet preżenti f’Għawdex, liema servizz qed jitmexxa minn The Malta Trust Foundation.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri sostna li dejjem enfasizza li dawk is-servizzi li jingħataw f’Malta, jeħtieġ li jingħataw f’Għawdex ukoll u kien għalhekk li laqa l-istedina taċ-Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca, li uriet ix-xewqa li tiftaħ tali servizz fil-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Clint Camilleri fakkar fin-numru ta’ inizjattivi li ħa l-gvern tul dawn l-aħħar snin biex persuni b’diżabilità jingħataw aktar drittijiet u dinjità. “Ħassejna l-ħtieġa li dan iċ-ċentru speċjalizzat għal persuni b’diżabilità, jiġi inkorporat hawn, f’din il-binja storika, fil-qalba tal-Belt Victoria, fiċ-ċentru tal-komunità. Nemmnu fl-integrazzjoni soċjali u dan bil-fatti,” sostna il-ministru.
Huwa stqarr li diġà sar l-ewwel pass biex din il-ħolma u kawża ġusta issir realtà fiż-żmien li ġej hekk kif ġiet sottomessa l-applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex parti minn din il-binja storika tiġi rrestawrata u kkonvertita f’dan iċ-ċentru.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca qalet: “Dejjem kienet il-ħolma tal-Fondazzjoni li s-servizzi li tagħti f’Malta, tarahom iseħħu ġewwa Għawdex. Għalina kull tifel u tifla, żagħżugħ u żagħżugħa, għandhom il-potenzjal li jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom permezz tal-arti. Jiddependi ħafna fuq l-appoġġ u s-sapport prattiku li jingħata lit-tfal u liż-żgħażagħ sabiex dawn ikunu jistgħu jimirħu f’kull aspett ta’ ħajjithom.”
“Iċ-Ċentru għall-Mużika u l-Arti f’Malta, li issa ilu ’l fuq minn tlett snin imwaqqaf, huwa xhieda kemm kulħadd huwa mogħni b’abbiltajiet diversi. Hekk se jiġri f’Għawdex bil-ftuħ tal-Vajrinġa – Ċentru għall-Mużika u l-Arti. Tfal u żgħażagħ Għawdxin b’ħiliet diversi ser jagħtuna l-opportunità naraw kemm is-soċjetà għandha tilqa’ u tapprezza lil kulħadd. The Malta Trust Foundation tapprezza l-isforzi tal-Ministeru għal Għawdex sabiex din il-ħolma se ssir realtà għat-tfal u żgħażagħ Għawdxin.”
Parti mill-binja storika, li sa ftit xhur ilu kienet isservi bħala skola primarja tal-gvern fir-Rabat, ser tinbidel f’dan iċ-ċentru uniku għal persuni b’diżabilità.