Wara madwar mitt sena ta’ investigazzjoni ta’ strutturi preistoriċi skavati fuq l-irdum ta’ Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk, dawn il-fdalijiet se jiġu studjati bil-possibilità li jiġu rilokati f’post aktar sigur fl-istess inħawi minħabba li l-irdum qiegħed iċedi.
F’konferenza tal-aħbarijiet, tħabbar li dan il-proġett uniku, li huwa l-ewwel wieħed ta’ xorta tiegħu f’Malta, jista’ jieħu madwar sentejn biex jitlesta. Il-proġett jirrikjedi diversi xogħlijiet differenti, fosthom telerilevament, radar taħt l-art, u anke studju ta’ qiegħ il-baħar.
“Il-proġett fadallu minn tal-inqas sentejn oħra, li fihom se nkunu qed nikxfu iktar minn din l-istruttura li, avolja ġiet skavata ’l fuq minn mitt sena ilu, xorta fadlilha saffi u affarijiet li jistgħu jiġu skoperti fiha, apparti d-dokumentazzjoni, speċjalment diġitali, li qed nagħmlu ta’ din l-istruttura”.
Dan it-tempju, li jikkonsisti minn ħames apsidi b’passaġġ fin-nofs, diġà ġie skavat madwar mitt sena ilu. Issa se tittieħed azzjoni sabiex dan il-wirt ma jintilifx, anke minħabba l-maltemp li jaħkem dawn l-inħawi, li qed iwassal biex dan l-irdum qed iċedi.
“Għandu madwar ħamest elef sena bħala żmien. Huwa żmien Neolitiku, aħna ngħidulu Tarxien Temple Phase, fejn aħna qed nagħmlu sforz biex insalvaw dan it-tempju. Jekk ma nagħmlu xejn, xi darba għad inqumu filgħodu u nsibu li dan it-tempju m’għadux parti mill-wirt storiku ta’ pajjiżna għax ikun ħadu l-baħar.”
Sfortunatament, fil-passat ġieli ntilfu xi partijiet minn dan it-tempju b’dan il-mod u għalhekk dawn il-fdalijiet taħt il-baħar qed jiġu eżaminati wkoll. Barra minn hekk, sabiex jitħarsu l-ħajja u s-saħħa tal-esperti u l-ħaddiema, qed jintuża krejn għoli 50 metru sabiex jiġu evitati inċidenti li jistgħu jseħħu jekk iċedi l-irdum.
Permezz ta’ dan il-proġett, dan il-fdal storiku jista’ jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.