- Qed niddjalogaw b’mod effiċjenti ma’ stakeholders fi proġetti?
- L-ilmenti u problemi qed nindirizzawhom kif suppost?
- Kif nistgħu nkunu ta’ għajnuna fil-komunitajiet, meta tqis li nħallu impatt fuqhom direttament jew indirettament?
Dawn kienu mistoqsijiet li ħeġġeġ riflessjoni dwarhom il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, ilbieraħ waqt għeluq ta’ konferenza bl-isem “Cities as Community Spaces”, organizzata mill-Fondazzjoni Valletta2018.
Il-Ministru qal li politika tajba għandha tkun sinonima mal-komunikazzjoni tajba mal-pubbliku. Ħafna mill-problemi li d-dinja taffaċja illum huma direttament relatati man-nuqqas ta’ ħila f’li wieħed jisma’ u jagħraf jiddjaloga, biex iqarreb dejjem l-istituzzjonijiet u l-komunità. Dan kollu jorbot mal-Fondazzjoni Valletta2018, li fehmet dan kollu u għalhekk ħejjiet l-attività.
Hemm punti li verament wieħed ta’ min jitkellimhom mal-pubbliku. Bħal per eżempju, il-fatt li l-iżvilupp uman għandu bżonn attività ekonomika li hija sostenibbli – kemm mill-aspett ambjentali u anke dak soċjali, biex ma ngawdux biss aħna, imma anke uliedna. Jeħtieġ djalogu konkret fuq l-iżilupp urban, li llum ma jfissirx sempliċiment li tibni toroq u sistema ta’ dranaġġ. Qatt m’għandna ninsew, saħaq il-Ministru, li komunità mhix biss in-nies imma wkoll fejn jgħixu n-nies. L-ambjent huwa soċjali daqs kemm huwa fiżiku.
Jekk hemm għodda li biha tista’ tkejjel governanza tajba, hija l-livell ta’ interazzjoni mal-pubbliku u t-tip ta’ relazzjoni li dan jibni ma’ istituzzjonijiet u politiċi. Dan il-Ministeru, saħaq Bonnici, jemmen li huwa investiment għaqli dak li jsir bil-ħila bażika li wieħed jipprovdi widen u jirrispondi għal dak li jkun qed iħasseb lin-nies.
Id-dinja għandha sfidi kbar quddiemha. Jeħtieġ, spjega l-Ministru, li s-soċjetajiet jibqgħu sħaħ u sostenibbli. Għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet, huma x’inhuma, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, u permezz ta’ djalogu, jtejbu kemm is-servizz offrut, kif ukoll il-livell ta’ sodisfazzjon, u għalhekk is-soċjetà.
“Ma jista’ qatt ikun hemm żvilupp jekk ma jkunx wieħed li jimbotta l-edukazzjoni, il-kreattività u l-iżvilupp tal-potenzjal uman,” temm jgħid il-Ministru, li jemmen li belt b’saħħitha hija waħda li tippromwovi l-għejxien trankwill minkejja l-intoppi u d-diversità.