Il-Gvern se jinvesti mitejn u elf ewro fi proġett ta’ tisbiħ urban fi Vjal il-Ħelsien, Ħaż-Żebbuġ.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern Għan-Nies’ hekk kif spjega li bħalissa tul din it-triq partikolari, m’hemm l-ebda siġra, u li permezz ta dan l-investiment mill-Gvern se jipprovdi ħamsin siġra tal-ballut, erba’ siġar tal-Jacaranda u mija u tmien arbuxelli tar-riħan.
L-interventi f’dan il-proġett jinkludu wkoll xogħlijiet ta’ skavar għall-konok ta’ diversi qsari tul Vjal il-Ħelsien.
Il-proġett se jinkludi ukoll karreġġjata għaċ-ċiklisti.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Malcom Paul Agius Galea, spjega li dan il-proġett ta’ tħaddir se jgħin lill-komunità biex tonqos it-temperatura tal-madwar, minħabba li s-siġar ikessħu ż-żona ta’ madwarhom permezz tal-evaporazzjoni tal-umdità.
Huwa qal, “Kellna ħafna siġar fil-passat, li kienu qed jagħmlu ħafna ħsara. Però ppjanajna kif se nagħmlu dawn is-siġar, u grazzi għal Ambjent Malta għenuna biex jagħtuna l-finanzi biżżejjed biex inkunu nistgħu nagħmlu dan il-proġett u l-ħolma tagħna ssir realtà.”
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia tenna li l-għan tal-Gvern huwa li jappoġġja proġetti li jtejbu l-ambjent urban u l-kwalità tal-ħajja, u sostna li l-ħidma tal-Awtorità tal-Ippjanar qed tkun ta’ spalla għall-Kunsilli Lokali.
Huwa sostna: “Kien dan il-ħsieb li waqqafna lil Ambjent Malta, waqqafna wkoll dak li llum jissejjaħ GreenServ, biex b’hekk illum qed nagħmlu proġetti ambjentali f’dawn iż-żoni urbani. Għandna diversi żoni urbani u l-aħjar li nistgħu nagħmlu hu li nagħtu dawn l-ispazji ħodor li l-poplu Malti jista’ jgawdi.”
Filwaqt li ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex jikkunsidraw aktar proġetti ħodor, il-Ministru Farrugia qal li interventi bħal dawn fil-qalba tal-komunitajiet tagħna jġibu diversi benefiċċji għall-ġid tar-residenti, u li għandhom valur estetiku u ambjentali.