Bħalissa għaddej proġett ta’ tisbiħ fis-sala ewlenija taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Din is-sala rat avvenimenti kbar tal-partit fosthom il-Konferenzi Ġenerali tal-Partit Laburista.
Dan l-investiment fis-sala qed isir waqt żewġ anniversarju importanti għall-Partit Laburista.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, is-Sur George Azzopardi spjega: “Matul din is-sena qed niċċelebraw il-mitt sena tal-Partit Laburista mit-twaqqif tiegħu, kif ukoll rajna il-ħamsa u għoxrin sena proprju taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Għal din l-okkażjoni u anke mhux għal din l-okkażjoni għamilna refurbishment fis-sala prinċipali, fis-sala li tintuża għal diversi attivitajiet fosthom l-akbar attività li jkollna l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista. Apparti li tajna il-manutenzjoni li hemm bżonn tajna l-libsa ġdida li jixirqilha din id-dar ta’ kull wieħed u waħda minnha.”
Manuel Rocco, li huwa voluntier fit-taqsima tal-armar fi ħdan il-Partit Laburista spjega magħna x-xogħol li sar f’din is-sala fosthom qlugħ u ħasil tas-suffetti, żebgħa sabiex tingħata dehra ġdida lil ħitan kif ukoll inbidel id-dawl għal dak wieħed modern u li jniġġes inqas.
Rocco, li stinka ħafna għall-Partit Laburista tul is-snin, ħassu emozzjonat iwettaq l-aħħar xogħolijiet fuq din is-sala.
Huwa qal: “Rajt il-bini jinbena, rajt l-ewwel sala, ħaddimt l-ewwel darba l-apparat ta’ din is-sala mbagħad tibda tagħmel dawn l-affarijiet. L-emozzjoni timxi bik.”