Ġie inawgurat proġett ta’ tisbiħ fi Ġnien Tamara Psaila f’Ħaż-Żabbar. Proġett b’nefqa ta’ madwar €60,000, bl-għan li jingħata aktar nifs lil Ħaż-Żabbar.
Ix-xogħlijiet li ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar xhur kienu jinvolvu:
- installazzjoni ta’ tapit artifiċjali biex joffri sigurtà lit-tfal waqt li jkunu qed jilgħabu
- ħolqien ta’ ground tal-football 5-a side bit-turf artifiċjali
- installazzjoni ta’ bandli u makkinarji ieħor tal-logħob għat-tfal
- tisbieħ ġenerali tal-post fejn saret manutenzjoni tal-ħitan mad-dawra, xogħol ta’ żebgħa, sistema ġdida ta’ dawl u outdoor furniture.
Dan huwa proġett ieħor li sar mill-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar u jingħaqad ma’ numru ta’ proġetti oħra li saru f’din il-leġiżlatura fejn il-gvern qed iwettaq dak li wiegħed li jagħti nifs ġdid lin-nofsinhar ta’ Malta.
Fl-inawgurazzjoni tal-proġett, il-Ministru Helena Dalli qalet li dan il-proġett flimkien mat-tnedija tal-proġett tal-Ġnien tal-Foss li kien imniedi lbieraħ se jkunu qed jagħtu aktar nifs lil Ħaż-Żabbar bil-ħolqien ta’ ġnien u park għall-familji. Preżenti kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv Silvio Parnis li tkellem dwar il-ħidma li wettaq il-Kunsill fl-aħħar erba’ snin.